Hu ċar li l-Partit Laburista għadu ma jridx jiddeċiedi b’risq ir-residenti ta’ Marsaskala, f’nofs il-kontroversja dwar il-proġett monstruż tal-Marina f’nofs il-Bajja pittoreska tal-lokalità.
Wara li, aktar kmieni matul il-jum, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħalla l-bibien miftuħin għall-possibbiltà ta’ proġett massiċċ f’din il-Bajja, issa anke l-Kandidat Laburista għall-elezzjoni ġenerali Ray Abela tenna l-istess kantaliena tal-Leader.
Fil-jiem li għaddew, id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef esprima ruħu pubblikament kontra dan il-proġett. Iżda issa, b’Kandidati kompetituri tiegħu fuq l-istess distrett idoqqu l-istess diska tal-Prim Ministru, Micallef qed iħossu li qed jiġi mwarrab.
Fuq Facebook, Ray Abela qal li jemmen li dan hu bidu ta’ konsultazzjoni “mhux biss għal Marina, iżda wkoll għal diversi proġetti (oħrajn)”, f’messaġġ ċar li dawk qrib il-Prim Ministru qed ikunu ggwidati biex jaqblu ma’ dan il-proġett jew ieħor kbir minfloku.
Sitwazzjoni li qed iddejjaq bil-kbir lill-Iskalin, tant li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, ġirien tal-Prim Ministru stess f’Marsaskala dendlu banners mal-galleriji tagħhom biex iwasslu messaġġ wieħed ċar: “No Marina”.
//= $special ?>