Knisja Lokali

Deċiżi d-dati għaż-żjara tal-Papa f’pajjiżna; jonqos biss konferma uffiċjali

Informazzjoni li kiseb Net News tikkonferma li f’dawn il-jiem ġew magħżula d-dati li fihom il-Papa Franġisku se jkun qed iżur pajjiżna.

Il-Kurja minn naħa tagħha fl-ebda ħin ma ċaħdet din l-aħbar.

Għalkemm rapporti fil-media qed jagħtu dati varji, dan is-sit jista’ jikkonferma li d-dati eżatti huma diġa’ magħżula – jonqos biss konferma finali mis-Santa Sede. Dan l-aktar minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid (f’każ li n-numri jiżdiedu).

L-istazzjon Rai dalgħodu ħabbar li l-Papa fil-vjaġġ tiegħu se jkun qed iżur mhux biss Malta, iżda anke l-Greċja u Ċipru. Iż-żjara ta’ Ċipru se ssir fl-ewwel jiem ta’ Diċembru, u allura kif spjegaw is-sorsi tagħna fil-Kurja, il-Papa jkun pajjiżna eżatt qabel.

It-Times minn naħa tagħha qed tirrapporta li l-Papa Franġisku se jkun Malta bejn l-20 u l-21 ta’ Novembru.

Kelliem għall-Kurja stqarr ma’ Net News li d-data tal-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa titħabbar ladarba din tiġi konfermata. “Din id-deċiżjoni tikkunsidra wkoll is-sitwazzjoni tal-pandemija, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet”.