Sudaniż ta’ 26 sena ġie kundannat disa’ xhur ħabs mill-Maġistrat Charmaine Galea wara li ammetta li l-Erbgħa filgħodu stess huwa ipprova jitlaq minn Malta b’passaport falz. Ir-reat twettaq fil-5.30am. fejn Emmanuel David Odel li diġa kellu l-biljett tal-Katamaran li jopera bejn Malta u Sqallija mħallas minnu stess.
Madankollu l-uffiċjali tal-immigrazzjoni skoprew li l-passaport ma kienx jippartjeni lilu u wara ġie skopert li kien ta’ immigrant ieħor li kien telaq lejn ir-Rumanija. Il-qorti nfurmat lil Odel li huwa ma jistax jiskansa l-ħabs jekk jammetti minħabba li huwa reċidiv peress li kien instab ħati li għamel ħsara fiċ-ċentru tal-Marsa.
Huwa xorta rreġistra ammissjoni u ammetta wkoll li għamel użu minn passaport maħruġ f’isem ħaddieħor, li għamel dikjarazzjoni falza u ta tagħrif fal lill-uffiċjal prinċipali tal-immigrazzjoni u li sar reċidiv, b’sentenza mogħtija mill-Maġistrat Gabriella Vella fl-10 ta’ Jannar, 2020. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lara Butters filwaqt li għas-Sudaniż deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Daniel Attard.
//= $special ?>