Lokali

“Edward Scicluna mhux denju tal-pożizzjoni tiegħu” – PN

Is-sejbiet tal-investigazzjoni tal-FIAU fuq il-Bank Pilatus, li juru kif dan il-Bank ħalla l-maġġoranza assoluta tal-klijenti u tal-miljuni jgħaddu minnu mingħajr l-verifiki neċessarji huma konferma ta’ kif il-Gvern Laburista mhux biss għalaq għajnejh għall-ħasil tal-flus u l-kriminalita’ finanzjarja iżda saħansitra ddefenda istituzzjonijiet maħluqa preċiżament għal dan l-għan.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Finanzi Mario de Marco u mill-Kelliem għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Industrija Kristy Debono, l-Oppożizzjoni tfakkar kif l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li llum, wara li ta żieda fil-paga lilu nnifsu jokkupa l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali, kien jiddefendi b’kull mezz lil dan il-Bank, u saħansitra kien attakka lill-Kummissjoni Ewropea talli, skontu, din għamlet l-arja ma’ dan il-bank għax huwa żgħir.

L-investigazzjoni tal-FIAU fuq Pilatus turi li l-Bank li kien jaħdem bih Keith Schembri, l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat, ma kien jistaqsi ebda mistoqsijiet fuq transazzjonijiet ta’ għexieren ta’ miljuni minn postijiet bħall-Emirati Għarab u l-Ażerbajġan, li kumbinazzjoni huma fiċ-ċentru ta’ skandli li kissru r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Bħala l-Ministru tar-regolatur finanzjarju, Edward Scicluna kellu r-responsabbilta’ finali fuq is-sistema bankarja ta’ pajjiżna – mhux talli l-eks Minsistru ma ħax l-azzjoni meħtieġa iżda saħansistra ddefenda sal-aħħar mument istituzzjoni intiża għal skopijiet kriminali tal-Gvern Laburista. L-istorja mimlija skandli tal-Bank Pilatus hija sintomatika tat-tmexxija tal-Gvern Laburista tul dawn l-ahhar snin.