Il-Partit Nazzjonalista waqqaf grupp ta’ esperti kompost minn persuni b’esperjenza twila fl-amministrazzjoni pubblika li diġa min issa qed jilqgħu kull sottomissjoni minn individwi li sofrew inġustizzji kemm fuq ix-xogħol mal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet illum indirizzata mill-kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius, il-President tas-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista u kandidat Ivan Castillo u s-Segretarja Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista u l-kandidata Roselyn Borg Knight.
Dan il-Bord ser ikun qiegħed jila’ ilmenti fuq preġudizzji kollha li saru u l-bord ta’ esperti se jipproċessa minn qabel is-sottomissjonijiet bil-ħsieb li jingħata rimedju adattat lill-individwu, jiddentifika wkoll każijiet ta’ inġustizzji li jkunu saru ma grupp aktar wiesgħa ta’ persuni f’liema każ il-grupp ta’ esperti jista’ jirrakkomanda azzjoni korrettiva mill-Gvern Nazzjonalista li tagħti rimedju lil grupp wiesgħa ta’ nies f’sitwazzjonijiet simili u tiġi rakkomandata policy alternattiva li tassigura li ma terġax isseħħ it-tali inġustizzja mal-grupp jew persuna milquta.
Filwaqt li l-Gvern Laburista indirizza uħud mill-inġustizzji mwettqa fil-passat, ħalla bosta bla risposta, fosthom is-suldati u l-pulizija li nqabżu fil-promozzjoniet, li raw persuni anqas kwalifikati minnhom jieħdu dak li kien imiss lilhom. Ukoll, minkejja li ordnat direttament mill-Ombudsman, il-Gvern baqa ma rrispettax id-decizjoni tal-Ombudsman u baqa ma tax rimedju lil dawk affettwati. Il-Partit Nazzjonalista impenjat li jirrispetta l-kompetenza tal-Ombudsman u bħala Gvern alternattiv iwiegħed li jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet kollha pendenti ta’ każijiet ta’ inġustizzja fejn l-Ombudsman ippronunċja ruħu iżda l-Gvern fl-arroganza tiegħu u għaliex anki fejn jidħlu dawn il-każijiet għalih xejn m’hu xejn baqa ma wettaqx ir-rimedju suġġerit.
Il-Partit Nazzjonalista irid li bħala Gvern alternattiv iwettaq ġustizzja kemm ma’ dawk kollha milquta minn diskriminazzjoni jew każijiet ta’ abbuż ta’ poter fl-aħħar 8 snin, kif ukoll każijiet li kienu baqgħu mingħajr rimedju adattat li saru qabel. Kif isostni l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, il-politika trid tibda mill-bniedem u tkun imdawra dejjem mal-bniedem u għalhekk kwalunkwe politika integra trid tassigura li l-amministrazzjoni pubblika ma twettaqx inġustizzja hija stess maċ-ċittadini Maltin, u fejn dan isir jeħtieġ li jkollna l-umiltà u l-kuraġġ li nammettu l-iżball u nagħtu rimedju xieraq.
Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech ser ikun Gvern pro-attiv u l-Partit Nazzjonalista qiegħed jaġixxi minn issa mhux biss b’sinjal ta’ solidarjetà u ġustizzja ma’ dawk affettwati iżda wkoll biex niġġiedlu d-diskriminazzjoni li ta’ spiss tkun wara l-inġustizzja. Il-Partit Nazzjonalista mpenjat li kull inġustizzja trid tiġi kkumpensata u li ma terġax issir ma ħaddieħor wara u impenjat ukoll li tiġi assigurata l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol, partikolarment paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali.
Min sofra minn xi inġustizzja u jrid iressaq l-ilment tiegħu jista’ jagħmel kuntatt mal-Partit Nazzjonalista bit-telefon fuq 2596 5283 jew b’email fuq nisimghu@pn.org.mt.
//= $special ?>