Lokali

Is-sena d-dieħla se titlesta fażi oħra tal-Palazz tal-Gran Mastru

Accept Analitiċi cookies to view the content.

“Hemm bżonn ta’ għassa kontinwa u supretendenza kontinwa sabiex il-valuri u l-ġojjeli li għandna f’pajjiżna ma jintilfux u jibqgħu jitgawdu mhux biss minna iżda ukoll mill-ġenerazzjoni ta’ warajna.”

Hekk stqarr il-President ta’ Malta George Vella meta l-Erbgħa filgħodu żar ix-xogħol ta’ restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta…fejn seta’ jsegwi aktar mill-qrib ix-xogħol li qed isir minn ħaddiema u esperti ta’ Heritage Malta.

Filwaqt li fisser is-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol metikoluż u xjentifiku li qed isir f’dan il-Palazz, hu fakkar kemm huwa importanti li wieħed jgħozz il-wirt kulturali ta’ pajjizna u jieħu ħsieb li ma jintilifx.

Il-President ta’ Malta George Vella

Il-Perit David Zahra, il-Kap tal-Proġetti ta’ Heritage Malta, spjega li dan huwa l-akbar proġett li qatt għamlet Heritage Malta…u li jinkludi ir-riġenerazzjoni u restawr tal-Palazz kollu tal-Granmastru. Huwa tenna li bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr estensiv fuq il-ħitan, suffett, luneti kif ukoll fuq l-art tal-irħam. Il-proġett fuq il-Palazz tal-Gran Mastru qed isir b’investiment ta’ 28 miljun ewro, b’kofinanzjament Ewropew u din il-fażi tal-proġett mistennija li tkun lesta sa’ nofs is-sena d-dieħla.

David Zahra, il-Perit u l-Kap tal-Proġetti ta’ Heritage Malta

Meta tkellem ma’ Net News, il-Perit David Zahra qalilna li fi żmien il-Gwerra, l-artefatti tas-suffett tal-kurituri tal-Palazz ittieħdu f’post aktar sigur…. iżda għal xi raġuni, dawn ma reġgħux twaħħlu f’posthom, u kaġun ta’ dan intilfet biċċa minnu. Għalhekk din ġiet rikreata mill-ġdid b’mod aktar modern.

Il-Perit David Zahra saħaq li dan il-proġett ser jinkludi esperjenza ġdida għall-viżitaturi li jżuru l-Palazz fil-futur. Huwa sostna li 80% tal-Palazz ser ikun miftuħ għall-viżitaturi.