Il-Prim Ministru Robert Abela qed ikompli jiffaċċja aktar pressjoni minn Deputati u membri tal-Kabinett wara li l-qasma li nħolqot fil-Partit Laburista qed issir dejjem aktar evidenti.
Hekk kif Abela wera li mhux kapaċi jiċċensura u jkeċċi lil Joseph Muscat mill-Partit Laburista, hemm min qed jinsisti li, ladarba issa rriżenja, l-eks Mexxej Laburista għandu jieqaf hawn. Din il-pożizzjoni ddikjaraha l-Ministru Jose Herrera, li bil-pulit wera kemm ma jkunx kuntent jekk Muscat jerġa’ jitħajjar jidħol fix-xena politika.
Wara li, mat-Times, l-eks Prim Ministru qal li ma jeskludix li jagħmel dan jekk idejquh, mal-mikrofonu ta’ NET News, il-Ministru Herrera rrepeta l-messaġġ li jidher li diġà għadda lill-Prim Ministru fil-jiem li għaddew: li, fl-opinjoni tiegħu, la Muscat ħa d-deċiżjoni li jieqaf, irid iżżomm ma’ dik id-deċiżjoni.
Min-naħa l-oħra, ghalkemm wieġeb bit-tbissima, jidher li Herrera hu wieħed minn dawk li mhux kuntent wisq li Muscat jerga’ jkun fuq il-lista tal-kandidati tal-Lejber ghall-elezzjoni ġenerali.
Il-Ministru rrefera wkoll għall-fatt li l-eks Mexxej wera biċ-ċar li l-familja Muscat appoġġjat lil Robert Abela fil-ġlieda għal-Leadership. Dan billi qal li jidhirlu li l-vot għandu jibqa’ kunfidenzjali.
Il-kummenti ta’ Jose Herrera waslu ftit sigħat biss wara li, mistoqsi għal darba darbtejn mill-ġurnalisti matul konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, Abela – il-kontinwità ta’ Muscat – reġa’ ħarab milli jwieġeb jekk hux se jiċħad lill-predeċessur tiegħu.
//= $special ?>