Internazzjonali

L-Afganistan: Il-President Biden jiddefendi l-għażliet tiegħu u jtenni li l-Istati Uniti kienet qed tissogra eskalazzjoni fil-konflitt

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal, waqt diskors, li l-irtirar storiku tat-truppi Amerikani mill-Afganistan qed jimmarka tmiem għall-missjonijiet militari kbar intiżi għall-bidliet sinifikanti fil-pajjiżi partikulari. Dan meta fl-aħħar sigħat telaq mill-Afganistan l-aħħar ajruplan tal-Istati Uniti li kien mgħobbi bi truppi u Afgani li riedu jevitaw il-ħajja taħt it-Taliban akkost ta’ kollox.

Il-President Biden, sadanittant, qed ifisser l-evakwazzjoni bħala suċċess kbir avolja eluf ta’ Afgani ma rnexxilhomx jitilqu minn pajjiżhom u meta l-militanti Talibani qed ikomplu jikkonsolidaw il-kontroll f’Kabul u bliet oħrajn Afgani.

Joe Biden għadu qed jiffaċċja kritika minn madwar id-dinja minħabba d-deċiżjoni tiegħu, xhur ilu, biex iħabbar l-irtirar totali tal-militar Amerikan mill-Afganistan. Dan seħħ f’ċirkustanzi li permettew biex it-Talibani jwettqu offensiva kbira u jieħdu lura l-pajjiż fi żmien ħafna anqas milli qatt bassru l-esperti militari fl-Istati Uniti u fil-Punent.

Intant, il-President Amerikan għadu qed jiċħad il-kritika filwaqt li qed jiddefendi d-deċiżjoni tiegħu ‘biex itemm l-itwal gwerra tal-Istati Uniti’.

Joe Biden mill-ġdid ikkritika lill-eks President ta’ qablu, Donald Trump, ‘dwar il-ftehim li kien għamel mat-Taliban u li hu ( Biden) spiċċa marbut bih’ – iżda, fl-istess ħin, enfasizza li t-terroristi tal-al-Qaeda ‘ilhom li sfaw megħluba fl-Afganistan’. Il-President kompla li l-konklużjoni ta’ din il-missjoni indikat ukoll il-ħtieġa għal bidliet kbar fil-politika barranija tal-Istati Uniti.

Għaldaqstant, Joe Biden sostna li l-Istati Uniti, fi-ċirkustanzi, kellha quddiemha żewġ għażliet – jew li tirtira lill-militar tagħha mill-Afganistan inkella li tiffaċċja eskalazzjoni qawwija fil-konflitt.

Fl-istess ħin, hu minnu li l-Amerikani ħallew warajhom ammont kbir ta’ ħelikopters u tagħmir tal-gwerra state-of-the-art li spiċċaw f’idejn il-militanti tat-Taliban. Dan waqt li fl-aħħar sigħat spikkaw ir-ritratti u filmati tal-militanti Iżlamiċi qed jippużaw għar-ritratti f’numru ta’ ajruplani militari li l-Amerikani ħallew fl-ajruport internazzjonali ta’ Kabul.

Sadanittant, eluf ta’ ġellieda anti-Talibani huma determinati li jirreżistu lill-militanti Iżlamiċi fl-Afganistan. Dan fost rapporti konsistenti dwar numru ta’ battalji bejn il-qawwiet tar-reżistenza u t-Talibani fil-Wied ta’ Panjshir, li jinsab lejn it-Tramuntana ta’ Kabul.

Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali tal-Istati Uniti qalu li huma, flimkien mal-pajjiżi alleati, irnexxielhom jevakwaw xi 123,000 persuna minn Kabul qabel id-deadline tal-31 ta’ Awwissu….Deadline li kien stabbilit mill-Amerikani flimkien mal-mexxejja Talibani fl-Afganistan.

Hu minnu wkoll li għaddejjin it-taħditiet bejn ir-Renju Unit u t-Taliban bil-għan li numru ta’ Brittaniċi jkunu jistgħu joħorġu mill-Afganistan. Fil-fatt, is-Segretarju tad-Difiża Ingliż, Ben Wallace, qal li bejn 150 u 250 persuna huma eliġibbli għar-rilokazzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Intant, Simon Gass, bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Gvern Britanniku għat-Tranżizzjoni Afgana, mar f’Doha, il-kapitali tal-Qatar, biex jiltaqa’ mar- rappreżentanti għolja tat-Taliban. Dan meta Gass kellu jenfasizza l-importanza ta’ passaġġ sikur mill-Afganistan għaċ-ċittadini Brittaniċi u l-Afgani li ħadmu u kooperaw magħhom matul l-aħħar 20 sena.

Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin,  Dominic Raab, minn naħa tiegħu, qal li ‘il fuq minn 17,000 persuna kienu evakwati mill-Afganistan lejn ir-Renju Unit – b’dawn jinkludu mal-5,000 ċittadin Brittaniku.