Internazzjonali

L-Italja: ‘Spinta ġdida’ ta’ immigranti lejn Lampedusa

Il-voluntiera mal-entità karitatevoli Spanjola bl-isem Proactiva Open Arms, bħalissa, qed jagħmlu li jistgħu biex jgħinu lill-immigranti illegali li qegħdin jissugraw ħajjithom biex jivvjaġġaw lejn il-gżira ta’ Lampedusa, fl-Italja.

Dan meta l-ammonti tal-immigranti qed jidhru li ħadu spinta fl-aħħar ġranet, bit-temp favorevoli qed jippermetti għal aktar vjaġġi bid-dgħajjes mil-Libja u t-Tuneżija –  bid-destinjazzjonijiet tal-immigranti jibqgħu dejjem l-Italja u pajjiżi oħrajn fl-Ewropa.

Fl-aħħar sigħat, il-voluntiera mal-Proactiva kienu qed jippruvaw jgħinu lill-immigranti f’dinghy li waqaf fil-Mediterran wara li l-magna tiegħu żviluppat il-ħsarat. Id-dinghy – li kien wieqaf ‘il hinn minn Lampedusa — tant kien mgħobbi bl-immigranti ( inklużi trabi) li kien qed idaħħal l-ilma minn kull naħa, bis-sitwazzjoni tiegħu tidher iddisprata.

Intant, l-aħħar statistika mill-Ministeru Taljan għall-Intern qed tindika li mal-11,000 immigranti żbarkaw fl-artijiet tal-kosta tal-Italja mill-bidu tal-2021 sas-7 ta’ Mejju – u li jfisser żieda ta’ aktar minn 4,000 fuq l-ammont tal-immigranti li kienu waslu hemmhekk fl-istess perjodu matul is-sena li għaddiet.

L-aktar rotta li qed tara movmenti ta’ immigranti hi dik bejn it-Tuneżija lejn Lampedusa u l-koordinaturi tal-għajnuna qegħdin jistennew aktar vjaġġi minn din ir-rotta sa, almenu, nofs Ottubru.

Sadanittant, l-istampa Taljana qalet li talanqas 191 immigrant kienu salvati minn diversi dgħajjes fi kwistjoni ta’ sigħat.

U skont l-International Organization for Migration affiljata man-Nazzjonijiet Uniti, din is-sena mietu ( fil-Mediterran) ‘il fuq minn 1,100 immigrant  li kienu qed jaħarbu lejn l-Ewropa biex isalvaw mill-faqar u s-sitwazzjonijiet ta’ konflitt fl-Afrika u l-Lvant Nofsani.