Meta kien qed iwieġeb domandi ta’ Net News, il-President George Vella ma ċaħadx li bħalissa għaddejin l-aħħar kuntatti għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta.
Fl-ebda ħin, iżda, ma kkonfermalna d-dati preċiżi taż-Żjara Appostolika f’pajjiżna.
Hu qal biss li “ma tista’ teskludi xejn”.
Il-President kien qed jikkummenta aktar kmieni dalgħodu meta żar ix-xogħlijiet li għaddejin fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta, b’rabta mal-proġett ta’ restawr.
Intant, aktar tard matul il-jum, il-Prim Ministru ma weġibx dwar il-possibbiltà ta’ din iż-żjara. U qal biss li jeżistu protokolli li jrid jimxi magħhom.