Sport Waterpolo

San Ġiljan jirbħu battalja fil-baħar u jiksbu tpattija sportiva

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN MERCURY……… 11

NEPTUNES……………………….. 10

(3-1), (3-5), (3-2), (2-2)

L-istaġun tas-sajf tal-waterpolo ntemm bil-kbir. Battalja fil-baħar li f’mumenti minnhom setgħu wasslu għal inkwiet. Tensjoni fuq iż-żewġ naħat, kontroll diffiċli għaż-żewġ referees u logħba denja ta’ finali.

Finalment kienu San Ġiljan li għas-sitt darba fl-aħħar seba’ snin naqqxu isimhom fuq dan it-trofew għat-13-il darba fl-istorja tagħhom. B’hekk seħħet ukoll tpattija sportiva wara li l-Ġiljaniżi tilfu l-kampjonat wara konfront deċiżiv kontra Neptunes.

It-tim ta’ Dorian Pisani ma seraq xejn mil-logħba. Kienu aktar determinati mill-avversarji, kienu fil-kontroll tal-logħba għal tul ta’ ħin u kienu ftit aktar kompatti fid-difiża.

Wara li Neptunes fetħu l-iskor minn Jordan Camilleri, San Ġiljan dawru r-riżultat b’gowl ta’ Mattias Ortoleva u doppjetta ta’ Dino Zammit. Neptunes kienu kostretti li jiġru wara r-riżultat u kienu għoddhom ħadu l-kontroll meta Jake Muscat skorja doppjetta fi ftit ħin u ta vantaġġ lil Neptunes. Iżda immedjatament Dino Zammit għamel l-iskor 6-6.

Il-Ġiljaniżi baqgħu pass qabel l-avversarji fit-tielet sessjoni. Neptunes ittantaw darbtejn iġibu d-draw iżda Ben Plumpton ikkonverta man-up u żamm il-vantaġġ ta’ gowl għal 9-8.

Għat-tielet darba konsekuttiva, Neptunes ġabu d-draw b’lob diffiċli ta’ Stevie Camilleri. Dino Zammit skorja r-raba’ gowl personali u minn man-up, Plumpton għamilhom 11-9. Kien għad fadal ħin għal rimonta minn Neptunes u l-gowl ta’ Camilleri ftit anqas minn żewġ minuti mit-tmiem, ħalla l-logħba miftuħa beraħ. Madankollu, Neptunes ma rnexxielhomx isibu l-gowl li jitfa’ l-logħba għall-għoti tal-penalties.

Evitat kull tip ta’ inkwiet fi tmiem il-logħba, b’Anthony Scicluna mill-BOV jippreżenta t-trofew lill-captain Matthew Zammit. Ġest mill-isbaħ hekk kif flimkien miegħu għolla t-trofew il-gowlkiper imweġġa’ Jake Tanti, bil-plejers Ġiljaniżi f’kantaliena favur Tanti, wara xahar diffiċli għalih.

San Ġiljan: R. Coleiro, D. Zahra, A. Galea, D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (2), B. Plumpton (4), J. Bonavia, D. Ciantar, Da. Zammit, K. Galea, Di. Zammit (4), G. Vassallo, M. Ortoleva (1), D. Tully

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (3), L. Calleja, G. Pace, M. Castillo, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (4), J. Camilleri (2), J. Abela (1), M. Spiteri Staines, A. Fenech, S. Gialanze, A. Bugeja, J. Cachia, R. Galea

Referees: Massimo Angileri, Alessandro Severo