Lokali Qorti

Sewwieq mixli li kellu kilo kokaina jingħata l-libertà proviżorja

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

Sewwieq li rnexxielu jaħarab meta l-Erbgħa tal-ġimgħa l-oħra pprova jimblokka s-segwiment tal-pulizija fil-konfront tiegħu f’Marsascala u wara li nqabad insabet kilo kokaina ngħata l-libertà proviżorja. Nhar il-Ġimgħa, huwa kien tressaq il-Qorti u nżamm taħt arrest preventiv wara li kien wieġeb mhux ħati ta’ akkużi ta’ droga u ħsara kkawżata fil-ġiri bil-karozza li wassal għall-arrest tiegħu.

Kurt Buttigieg, residenti l-Marsa u li għandu 39 sena, ingħata l-libertà proviżorja mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fuq depożitu ta’ €7,500 u garanzija personali ta’ €17,500. Huwa ġie ordnat jifirma l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun kuljum u li jkun id-dar bejn id-9.00pm u s-7.00pm.

Il-Pulizija kienet segwitu f’ġirja sfrenata tul Triq il-Qaliet, fejn l-akkużat spiċċa biex ħabat ma’ vettura tal-pulizija fit-tentattiv tiegħu li jaħrab, sakemm finalment ġie arrestat fuq il-post. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.30am meta l-uffiċjali, li kienu qed jaġixxu fuq tip-off, ippruvaw iwaqqfu l-pickup truck Toyota Hilux misjuq mis-suspettat.

Waqt il-ġirja bil-karozzi, il-pulizija raw lis-sewwieq jitfa’ pakkett suspettuż mill-vettura, u wara allegtament sabulu madwar kilo kokaina fil-pussess tiegħu. Wara saret ukoll fittxija fid-dar tar-raġel fejn instabet arma tan-nar u xi dokumenti.

Huwa kien ġie arrestat u skortat il-qorti nhar il-Ġimgħa filgħodu, fejn kien wieġeb mhux ħati ta’ pussess aggravat ta’ kokaina, naqas milli jobdi l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija, sewqan imprudenti u perikoluż, ħsara volontarja fuq propjetà ta’ partijiet terzi li taqbeż l-€2,500, pussess, bla liċenzja ta’ arma tan-nar u riċediv.

Meta tressaq il-Qorti l-akkużat il-prosekuzzjoni kienet sostniet li l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin u li ċerti dokumenti skoperti fid-dar tal-akkużat kellhom jiġu segwiti. Għalih qed jidhru l-Avukati Matthew Xuereb u Roberto Spiteri. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Justine Grech u Marshall Mallia.