Lokali Qorti

Żagħżugħ bi problemi mentali jammetti li ta n-nar vann f’każ ta’ qsim il-qalb

F’każ ta’ qsim il-qalb fl-awla numru erba’ tal-Qorti, żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Ħal Qormi li għandu problemi mentali ġie mixli u ammetta quddiem il-Maġistrat Charmain Galea li nhar is-Sibt, 14 ta’ Awwissu li għadda wara nofs inhar ta n-nar vettura f’Ħal Qormi stess.

Il-qorti wara li rat id-dokumenti esebiti, l-kondotta taż-żagħażugħ u r-rakkomandazzjoni tal-psikjatra poġġietu taħt ordni ta’ probation u ta’ trattament għall-perjodu ta’ tliet snin. Dwar il-ħlas ta’ esperti tal-Qorti u spejjeż dwar filmati ta’ CCTV’s miġbura, l-Qorti qalet li dawn għandhom jitħallsu mill-imputat innifsu.

Il-Qorti qaltlu li ammissjoni ta’ dan il-ġeneru tista’ tfisser minimu ta’ sentejn ħabs sa massimu ta’ erba’ snin ħabs. Ħawn iż-żagħażugħ inħasad u staqsa, ‘possibbli bis-serjetà?, jekk jogħoġbok Maġistrat ma nixtieqx immur il-ħabs”, huwa talab bil-ħniena.

Il-Qorti infurmatu li jekk jieħu l-kura mhux se jmur il-ħabs, l-għażla qaltlu hija f’idejh jew ħabs jew kura, u hu wieġeb li kien diġa qed jieħu l-medikazzjoni u tenna li jrid ikompli bi;-kura. Huwa wiegħed lill-Qorti mhux se jerġa’ jidħol il-qorti u li meta wettaq ir-reat kien biss qed iqabbad lighter, u kinitx l-intenzjoni tiegħu li jqabbad il-vettura.

Hawn missier l-akkużat li flimien ma’ ommu kien fl-awla tal-qorti beda jibki, b’ibnu imbikkem ukoll jitolbu bil-ħniena biex ma jibkix. Ommu għamlet l-istess meta semgħet dwar il-ħlas ta’ esperti li jitilgħu għal madwar €2,000, u hija tenniet li l-familja mhux f’qagħda finanzjarja tajba biex tħallas dan l-ammont.

Il-Qorti, l-prosekuzzjoni u d-difiża qalu liż-żagħżugħ li jista’ jħallas l-ammont mhux f’daqqa, biż-żagħżugħ biex iserraħ ras ommu u missieru jgħid, ‘issa immur naħdem, toqgħodx tinkwieta Ma”. Il-prosekuzzjoni fil-bidu tas-seduta qalet li ż-żagħżugħ qabbad vann ta’ persuna li joqgħod biex ma’ biex man-nanna tiegħu, imma ma hemmx problemi bejniethom, kienet xi ħaġa tal-mument.

Għadu mhux magħruf kemm hija l-ħsara fuq il-vann, għax il-vittma għadu qed jistenna risposta mill-insurrance. Il-prosekuzzjoni stess talbet li tingħata probation u trattament bid-difiża taqbel. Il-Qorti qalet li se jkollu uffiċjal tal-probation issegwih u li għandu jobdiha, jekk le l-qorti tkun infurmata u li jekk ma joqgħodx għal dak li tgħidlu jista’ jispiċċa l-ħabs. Il-Maġistrat qaltlu li jekk l-uffiċjal tal-probation se tgħidlu biex jara l-psikjatra, u jrid ikompli dak li diġa beda, li jibqa’ jieħu l-kura.

L-akkużat, li ma jaħdimx kien akkumpanjat ukoll minn ‘carer’ minn Monte Carmeli minħabba li l-qagħda tiegħu għadha tiġi segwita. Saret ukoll talba mid-difiża biex isem l-akkużat ma jiġix pubblikat fuq il-meżżi tax-xandir minħabba l-qagħda tiegħu, liema talba kienet sekondata mill-prosekuzzjoni u milqugħa mill-qorti.