Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għal darb’oħra reġa’ ħassu skomdu jwieġeb għad-domandi ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet, rigward il-klikka Muscat-Abela…u l-mod kif ħadmu kontrih.
Mistoqsi minn dan l-istazzjon jekk iħossux insulentat li fl-elezzjoni għal Mexxej tal-Partit Laburista, il-familja ta’ Joseph Muscat ħadmet kontrih.. Fearne ħarab milli jwieġeb, u pprova jagħti l-impressjoni li fil-Partit Laburita m’hemm ebda qasma…bi Chris Fearne jibqa’ jahrab id-domandi diretti.
Fl-intervista l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kellu mat-Times, hu wera kemm Robert Abela kien il-magħżul tal-familja Muscat fil-ġlieda għal-Leadership tal-Labour… u kemm il-klikka ta’ Fearne giet izolata. Xi ħaġa li għadha tinħass sal-lum fost id-deputati u l-kandidati.
Ftit tal-jiem ilu Fearne ħarab milli jgħid jekk hux kburi li jifforma parti mill-istess Gvern li ħoloq Muscat – dak li fl-2019 kien magħżul bħala l-aktar politiku korrott fid-dinja.
Minflok, hu qalilna biss li hu kburi li Laburist, u biex jiġbor kliemu qal li kburi li hu Malti ….u ħarab jiġri lejn il-karozza, minghjar ma semma la lil Robert Abela u lanqas lil Joseph Muscat.