Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq allegat traffikar ta’ droga

Żagħżugħ ta’ 25 sena nżamm arrestat wara li tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud akkużat bi traffikar ta’ droga. Ir-raġel, ċittadin mill-Ghana, ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu 48 qartas li fihom il-ħaxixa tal-cannabis, li ma obdiex ordnijiet leġittimi tal-pulizija u li wettaq ir-reati fil-perimetru ta’ 100 metru minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Shaibu Abdul Salam wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Huwa ġie arrestat it-Tlieta wara li uffiċjali tal-Iskwadra tad-Droga nnutawh jaġixxi b’mod suspettuż fil-Ġnien Belvedere fil-Marsa għall-ħabta tas-7.00pm. L-uffiċjal prosekutur l-Ispettur Justine Grech qalet lill-qorti li s-suspettat sar aggressiv meta ġie avviċinat mill-pulizija u rreżista l-arrest, waqt li mingħajr awtoriżazzjoni pprova jżarma minn xi arma uffiċjal tal-RIU waqt li kien qed jiġi arrestat.

Il-pulizija sabet 48 borża żgħira li fihom sustanza maħsuba bħala ħaxix tal-cannabis u € 2,800 fi flus kontanti fir-residenza tiegħu. Fil-qorti, ħareġ li l-akkużat għandu permess ta’ residenza mill-Italja. Fil-Qorti ntqal li r-raġel kellu jivvjaġġa lejn l-Italja fi żmien tmint ijiem. Ma saret l-ebda talba għal pleġġ. L-avukat tal-għajnuna legali Christopher Chircop deher f’isem l-akkużat bil-Maġistrat Joe Mifsud jippresedi l-każ.