Wara d-disfatta tagħhom fil-finali tal-Euro 2020, l-Ingilterra irritornaw għar-rebħ fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2022, hekk kif għelbu lill-Ungerija bl-iskor ta’ 4-0. L-Ingilterra marru fil-vantaġġ fil-55 minuta meta wara kontrattakka veloċi, Jack Grealish għadda lejn Mason Mount, li bil-cross tiegħu sab lil Raheem Sterling, li minn pożizzjoni favorevoli tefa’ fil-lasta għal 1-0.
L-Ingilterra serħu rashom mir-rebħa fit-62 minuta meta minn cross ta’ Raheem Sterling kien il-captain Ingliż Harry Kane li bir-ras għeleb lil Gulasci għal 2-0. Biex fit-68 minuta l-Ingilterra skorjaw it-tielet gowl tagħhom meta minn corner ta’ Luke Shaw, kien Harry Maguire li bir-ras tefa’ fil-lasta għal 3-0. Fis-86 minuta Declan Rice żied ir-raba’ gowl tal-Ingliżi b’xutt mid-distanza. B’hekk l-Ingilterra saħħew posthom fl-ewwel post ta’ Grupp I.
Min-naħa l-oħra iċ-champions tal-Ewropa l-Italja kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 mill-Bulgarija. L-Italja marru fil-vantaġġ fis-16-il minuta meta wara żball fid-difiża tal-Bulgarija kien l-attakkant Federico Chiesa li approfitta u kkonkluda fil-lasta għal 1-0. Madanakollu l-Bulgarija kisbu l-gowl tad-draw fid-39 minuta meta minn pass ta’ Kiril Despodov, kien Atanas Iliev li bix-xellug għeleb Gigi Donnarumma għal 1-1.
Fi Grupp B Spanja kienu megħluba mill-Iżvezja bl-iskor ta’ 2-1. Spanja marru fil-vantaġġ fil-5 minuta meta wara pass ta’ Jordi Alba li nifed id-difiża tal-Iżvezja, kien Carlos Soler li tefa’ ġewwa għal 1-0. Madanakollu, minuta wara l-Iżvezja kisbu l-gowl tad-draw meta wara kontrattakk veloċi kien l-attakkant promettenti Alexander Isak li b’xutt mid-distanza għeleb lil Unai Simon għal 1-1. L-Iżvezja dawwru ir-riżultat fis-57 minuta meta minn pass ta’ Dejan Kulusevski, kien Vikrtor Claesson li kkonkluda wara Unai Simon għal 2-1.
Il-Belġju kisbu rebħa faċli ta’ 5-2 kontra l-Estonja biex komplew jiddominaw fi Grupp E. Kontra kull mistenni l-Estonja marru fil-vantaġġ fit-2 minuta minn pass ta’ Rauno Sappinen, kien Mattias Kaeit li kkonkluda fil-lasta. Madanakollu l-Belġju irrispondew fit-22 minuta, meta Eden Hazard għadda lejn Hans Vanaken li ġab id-draw għal Belġjani. Biex seba’ minuti wara kien l-attakkant prolifiku Romelu Lukaku li tefa’ lil Belġju fil-vantaġġ.
Il-Belġju skorjaw it-tielet gowl tagħhom fit-52 minuta meta din id-darba kien Hans Vanaken li għadda lejn l-attakkant ta’ Chelsea Romelu Lukaku, li kkonkluda fil-lasta għal 3-1. Il-Belġju skorjaw ir-raba’ u l-ħames gowl fl-64 u fis-76 minuta permezz ta’ Axel Witsel u Thomas Fokret rispettivament. L-Estonja skojraw it-tieni gowl tal-partita tagħhom fit-83 minuta permezz ta’ Erik Sorga.
FAŻI TA’ KWALIFIKAZZJONI GĦAT-TAZZA TAD-DINJA 2022 :
Ġorġja v Kosovo 0-1, Żvezja v Spanja 2-1, Italja v Bulgarija 1-1, Litwanja v Irlanda ta’ Fuq 1-4, R. Ċeka v Belarus 1-0, Estonja v Belġju 2-5, Andorra v San Marino 2-0, Ungerija v Ingilterra 0-4, Polonja v Albanija 4-1, Iżlanda v Rumanija 0-2, Liechtenstein v Ġermanja 0-2, Maċedonja v Armenja 0-0