Qorti

Raġel arrestat wara sejba ta’ droga… mistenni jitressaq il-Qorti llum

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, bl-assistenza tar-Rapid Intervention Unit, arrestaw raġel mill-Ghana ta’ 25 sena wara li nstab fil-pussess ta’ sustanza suspettata kannabis, lesta għat-traffikar.

Nhar il-31 t’Awwissu, għal xi s-sebgħa ta’ filgħaxija, waqt li l-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kienet għaddejja fuq ronda, innutat raġel suspettuż fi Ġnien Belvedere, il-Marsa.

Il-Pulizija avviċinawh u bdew ikelmuh iżda dan beda jsir aggressiv fil-konfront tagħhom. Għalhekk, intalbet l-assistenza tar-Rapid Intervention Unit u pruvaw ikelmuh, però r-raġel kompla jsir aggressiv u ma bediex jobdi l-ordnijiet. Minħabba f’hekk, ir-raġel ġie arrestat, saret tfittxija fuqu, u nstab fil-pussess ta’ madwar 50 borża żgħira b’sustanza suspettata kannabis, lesti biex jiġu ttraffikati, flimkien ma’ €2,800 fi flus kontanti.

Il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.

Ir-raġel qiegħed jinżamm il-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, u mistenni jitressaq il-Qorti llum, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud LL.D, għall-ħabta tal-għaxra nieqes kwart.