Lokali

Raġel maqbud bejn bieb ta’ garage u vettura

Raġel ta’ 56 sena residenti f’Ħal Luqa sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident fl-istess lokalita’. Kien għall-ħabta tas-6.30p.m. tal-bieraħ li l-pulizija rċeviet rapport li kien hemm inċident fi Triq Ġwann Mamo.

Il-Pulizija tad-Distrett kienu fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li vettura tat-tip Tata niżlet ir-rampa ta’ garage bil-konsegwenza li r-raġel spiċċa maqbud bejn il-bieb tal-garage u l-vettura.

Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku li ħadu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn iktar tard kien ċertifikat li kien qed isofri ġrieħi ta’ natura gravi. Il-Pulizija qed tinvestiga l-inċident.