Ambjent Lokali

Sfreġju ieħor ambjentali f’Kemmuna

Ikompli l-isfreġju ambjentali f’Kemmuna… hekk kif din il-gzira spiċċat f’telqa kbira kawża tal-ammont enormi ta’ skart li qed jitħalla vicin il-bajjiet.

Diversi Maltin kif ukoll turisti li jqattgħu ħin ta’ mistrieħ f’Kemmuna, iduru għal xarbiet friski u anke ikel take-away. Iżda wara li jikkunsmaw dawn ix-xarbiet, in-nies qed jispiċċaw jarmu dawn il-pineapples kif ukoll l-istraws li jintużaw fuq il-blat…. b’konsegwenza li qed jinġema’ ammont kbir ta’ skart. Agħar minn hekk, xi drabi dan l-iskart qed jispiċċa wkoll f’qiegħ il-baħar.  

Nies li tkellmu magħna qalulna li l-awtoritajiet ma pprovedwx bins fejn wieħed ikun jista’ jiddisponi mill-iskart. Apparti dan ma hemm l-ebda servizz ta’ tindif wara li l-pubbliku jitlaq minn fuq din il-bajja.

Filmati li waslu għandu Net News huma xhieda tal-ammont kbir ta’ pineapples u straws li qed jitħallew fuq il-blat ta’ din il-bajja – sitwazzjoni deskritta bħala tal-mistħija. Apparti it-telqa u l-iskart…hemm ukoll il-problema tal-Blue Lagoon li spiccat maħnuqa bl-umbrelel.

Ftit tal-jiem ilu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech stqarr li s-sitwazzjoni f’Kemmuna qed tkompli tikkonferma l-inkompetenza tal-Gvern u tal-Ministru Clayton Bartolo. Dan fid-dawl tal-problema tal-ammont kbir ta’ deckchairs u umbrelel li qed jokkupaw din il-bajja.