Ħames snin wara li Daphne Caruana Galizia kienet irrapportat l-ewwel darba dwar suspetti ta’ ħasil ta’ flus fil-bank Pilatus, b’allegat involviment ta’ membri għolja fl-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat… issa numru ta’ ex uffiċjali fil-Bank Pilatus mistennija jitressqu l-qorti.
Skont rapporti fit-Times, dawn l-eks uffiċjali għandhom jiġu akkużati wara li nkixfu nuqqasijiet xokkanti ta’ ħasil tal-flus li għalihom fl-aħħar sigħat, il-bank Pilatus ingħata multa rekord ta’ €4.9 miljun mill-FIAU. Is-sejbiet tal-FIAU kkonfermaw li l-Gvern Laburista kien għalaq għajnejh għall-ħasil tal-flus u l-kriminalità finanzjarja… fi kliem l-FIAU stess, “falliment serju u sistemiku.”
Issa…jidher li l-awtoritajiet lestew mandati ta’ arrest kontra dawk involuti….fosthom barrani li darba aġixxa bħala direttur fil-bank f’Ta’ Xbiex.
Il-PN fl-aħħar jiem fakkar li l-gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna mhux denju tal-pożizzjoni tiegħu wara li ddefenda lill-bank Pilatus għal snin twal meta serva bħala Ministru tal-finanzi… “Scicluna kellu r-responsabbiltà finali għas-sistema bankarja iżda mhux biss naqas milli jaġixxi iżda ddefenda l-istituzzjoni sal-aħħar.”
Il-Bank Pilatus ingħalaq meta l-liċenzja tiegħu tneħħiet mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Novembru tal-2018, wara l-arrest tal-fundatur tal-bank Ali Sadr fl-Istati Uniti. Dan tal-aħħar kien inħeles wara li nstab mhux ħati ta’ akkużi ta’ ħasil ta’ flus minħabba nuqqasijiet mill-prosekuzzjoni.
Dik l-istess sena, l-Awtorità Bankarja Ewropea kkritikat in-nuqqas tal-FIAU li timponi sanzjonijiet fuq il-bank…li kien immexxi minn Ali Sadr. L-eks Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tieghu Keith Schembri kienu rapportati li attendew għat-tieġ ta’ Ali Sadr li kien sar fl-Italja. Mistieden għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm ukoll sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, li huwa wkoll akkużat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>