Futbol Sport

X’valur storiku għandha r-rebħa tal-bieraħ, li Malta kisbet kontra Ċipru?

Malta qabel il-partita kontra Ċipru

L-għada tar-rebħa bl-iskor ta’ 3-0 ta’ Malta kontra Ċipru. Il-pubbliku sportiv lokali qam jitkellem dwar il-wirja mill-aqwa tal-Maltin f’Ta’ Qali, f’dik li kienet l-ewwel partita ta’ Malta f’pajjiżna, fil-presenza tas-South End Core u l-partitarji Maltin wara kważi 22 xahar mill-aħħar darba li l-istess partitarji kienu preżenti għal partita tat-tim nazzjonali.

Ftit punti ta’ interess wara r-riżultat tal-bieraħ:

🇲🇹 Din kienet l-akbar rebħa li Malta qatt kisbet f’dawn l-aħħar 65 sena ta’ storja, f’logħba valida mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni ta’ kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.

🇲🇹 Din hija t-13-il darba li Malta qed tilgħab fi stadju ta’ kwalifikazzjoni ta’ edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Il-konfront ta’ kontra Ċipru, kienet il-106 darba li Malta lagħbet f’din il-kompetizzjoni. Ir-rebħa tal-bieraħ kienet it-tielet waħda fl-istorja tat-tim nazzjonali tagħna, biż-żewġ rebħiet l-oħra kienu kontra l-Estonja 1-0 (fl-1993, f’Tallin taħt it-tmexxija ta’ Pippo Psaila) u l-Armenja bl-istess skor ta’ 1-0 (fl-2013, f’Yerevan, taħt it-tmexxija ta’ Pietro Ghedin).

🇲🇹 B’hekk, storikament, ir-rebħa ta’ kontra Ċipru, hija l-ewwel waħda ta’ Malta f’pajjiżna f’kompetizzjoni valida għal kwalifikazzjoni ta’ edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.

🇲🇹 It-tliet gowls skorjati kontra Ċipru, kienu l-ewwel darba fl-istorja li Malta rrnexxilha tiskorja daqstant gowls f’logħba waħda, f’logħba mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.

🇲🇹 Malta diġa’ għandha rekord ta’ erba’ punti, f’grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Qatt qabel ma konna ksibna dan l-ammont ta’ punti f’edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni madankollu fil-kompetizzjoni għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-1994, Malta, dak in-nhar taħt it-tmexxija ta’ Pippo Psaila, kienet temmet il-grupp b’rebħa u dro, l-istess bħal ma ksibna s’issa f’dan il-grupp wara erba’ partiti. Madankollu f’dak iż-żmien, rebħa kienet tiswa’ żewġ punti u allura t-total mirbuħ minn Malta fl-aħaħr tal-grupp kien ta’ tliet punti u mhux erbgħa, daqs illum.

🇲🇹 Din kienet l-14-il partita ta’ Devis Mangia bħala kowċ ta’ Malta. Matulhom, Mangia mexxa lit-tim nazzjonali għal ħames rebħiet, erba’ dros u ħames telfiet. F’termini ta’ punti, b’Mangia kowċ, Malta rebħet 19-il punt minn 14-il logħba.

🇲🇹 Tul dawn l-14-il konfront, Malta skorjat 20 gowl u soffriet 19-il gowl.

🇲🇹 Kienu biss tlieta l-ammont ta’ partiti minn total ta’ 14, li fihom Malta temmet il-logħba mingħajr ma tiskorja.

🇲🇹 Minn naħa l-oħra, f’14-il logħba taħt it-tmexxija ta’ Mangia, kien hemm erba’ konfronti li fihom Malta ma soffriet ebda gowl tul id-90 minuta. Minn dawn l-erba’ partiti, tlieta minnhom intrebħu minn Malta.