Internazzjonali

Afganistan: Battalji kbar bejn it-Talibani u r-reżistenza fil-Wied ta’ Panjshir

Eluf ta’ militanti tat-Taliban, fl-aħħar sigħat, kienu involuti f’battalji kbar mal-ġellieda tar-reżistenza li ħalfu li jissieltu ‘sal-aħħar raġel’ kontra r-reġim ġdid fundamentalista li kkonsolida t-tmexxija fl-Afganistan wara li rtiraw l-aħħar  qawwiet barranin mill-pajjiż.

Il-ġlied kien għaddej fil-Wied ta’ Panjshir li hi l-aħħar provinċja Afgana li għadha tirreżisti lit-Taliban – u fejn il-ġellieda anti-Talibani qed jopponu l-introduzzjoni ta’ stil ta’ tmexxija Iżlamika mill-aktar primittiva. Intant, il-battalji kienu għaddejjin ukoll fil-madwar ta’ Panjshir, bil-membri tar-reżistenza jiċħdu għall-kummenti tat-Taliban fis-sens li ‘kienu qrib ir-rebħa’.

Fil-fatt, il-ġellieda ‘anti-Taliban’ qalu li fl-aħħar sigħat irnexxielhom joqtlu numru sinifkanti ta’ militanti u li t-Talibani kienu kostretti li jirtiraw wara li pruvaw jinfiltraw zoni partikulari ta’ Panjshir.

Ir-reżistenza ta’ kontra t-Taliban qed tinkludi lill-eks President Afgan, Amrullah Saleh, flimkien ma’ eks-membri tal-qawwiet tas-sigurtà tal-Gvern preċedenti u xi milizji lokali.

Sadanittant, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit – l-istess bħall-Istati Uniti – qalu li għandhom ikollhom il-kuntatti mat-Talibani anki jekk ma jqisuhomx bħala ‘il-Gvern leġittimu tal-Afganistan’. L-UE qalet li kull kuntatt mat-Talibani se jkun suġġett għall-kundizzjonijiet stretti u li dawn se jsiru biss ‘biex jgħinu lill-poplu Afgan’.