Internazzjonali

Attakk fi New Zealand; it-terrorista tal-ISIS jinqatel

Ritratt : BBC

Fi New Zealand, Il-Pulizija sparaw u qatlu raġel wara li ta daqqiet ta’ sikkina u fera mill-inqas sitt persuni Supermarket f’Auckland.

Il-Prim Ministru Jacinda Ardern iddeskriviet l-avveniment bħala “attakk terroristiku” minn ċittadin tas-Sri Lanka li kien taħt sorveljanza tal-pulizija.

Ir-raġel, li ma jistax jiġi identifikat, kien ispirat mill-grupp terroristiku tal-Istat Iżlamiku, kompliet tistqarr il-Prim Ministru.

Il-pulizija qatlu lir-raġel fi żmien 60 sekonda mill-attakk.

L-attakk seħħ fis-Supermarket ‘Countdown’ f’LynnMall fid-distrett ta’ New Lynn il-Ġimgħa wara nofsinhar.

Huwa rrappurtat li l-aggressur ħa sikkina kbira minn ‘display cabinet’ fil-maħżen u beda bl-attakk tiegħu.

Videos li qed iduru online juru diversi persuni ppanikati jiġru ‘l barra mis-supermarket qabel ma instema’ ħoss ta’ sparaturi.