Festi Knisja Kultura Lokali

Bernard Grech fost is-Sengleani għall-Vitorja

F’atmosfera ta’ festa u ċelebrazzjoni li jfakkar l-ewwel ċentinarju mill-inkurunazzjoni tal-Vara ta’ Marija Bambina fl-4 ta’ Settembru 1921, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, għażel li l-Ġimgħa filgħaxija jkun fost is-Sengleani biex jiċċelebra magħhom.

Iż-żjara tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Senglea bdiet bdiet fil-Każin tas-Soċjetà Filarmonika La Vincitrice fejn hemmhekk intlaqa’ mal-Kumitat tas-Soċjetà u wara kien imiss li jiltaqa’ mal-Kumitat tal-Futbol tas-Senglea Youngsters.

Ritratt: Martin Agius

Wara numru ta’ żjarat fid-djar tas-Sengleani fejn ta widen lill-bżonnijiet u l-karbiet ta’ dawn il-familji, kien imiss li Bernard Grech iżur lill-Każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Isla fejn iltaqa’ ma’ dawk li jiffrekwentaw il-bottegin tal-Każin.

Hekk kif temm id-dawra tiegħu mal-Każin flimkien mal-Kumitat Sezzjonali tal-Isla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ttella’ fuq il-bejt tal-Każin fejn għall-veduta tal-Port il-Kbir, żanżan u tella’ bandiera ġdida mal-arblu tal-Każin li tirraffigura n-Nome di Maria fl-okkażjoni ta’ dan iċ-Ċentinarju.

Ritratt: Martin Agius

Il-bandiera, ta’ materjal tas-suf u b’qies ta’ 17 b’26 pied, ġiet iddissinjata u sfumata mill-artist Tarxiniż, Glenn Copperstone, filwaqt li l-ħjata saret minn omm l-istess artist, Josephine Copperstone.

Fi tmiem tal-inawgurazzjoni tal-bandiera l-ġdida, Bernard Grech, flimkien ma’ għadd ta’ deputati u kandidati tal-Partit Nazzjonalista fuq it-2 Distrett, iltaqa’ mat-tesserati Sengleani li kienu mistiedna mill-Kumitat Sezzjonali għal riċeviment fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju importanti fl-istorja tal-Isla.

Ritratt: Martin Agius

Filwaqt li awguralhom il-festa t-tajba, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fuq l-importanza tad-drawwiet u l-komunitajiet fl-ibliet u l-irħula tagħna u appella lis-Sengleani jżommu dan l-ispirtu ta’ komunità ħaj matul is-sena.

Ritratt: Martin Agius