Lokali

Festi b’attivitajiet għall-familja kollha

Għal sena oħra, il-Partit Nazzjonalista qed iħejji l-attivitajiet marbuta mal-Festi tal-Indipendenza billi jżomm f’moħħu l-interess ta’ kulħadd u fid-dawl taċ-ċirkostanzi preżenti kawża tal-pandemija.

Hekk spjega s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino meta kien mistoqsi minn NET News dwar il-ħsieb wara dawn l-attivitajiet, bit-tema “Kun il-Bidla”.

Hu qal li, anke din is-sena, il-Partit Nazzjonalista qed iħejji diversi attivitajiet, fosthom dawk artistiċi u sportivi, filwaqt li jara li jżur diversi lokalitajiet fil-jiem ta’ qabel l-20 ta’ Settembru.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-Partit għażel it-tema “Kun il-Bidla” għax irid li jkun l-għażla naturali għal dawk li jridu li tixxettel il-bidla li tant għandu bżonn pajjiżna.

L-attivitajiet kollha relatati mal-Festi tal-Indipendenza se jsiru skont il-protokolli tal-Covid-19 maħruġin mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u jagħlqu fl-20 ta’ Settembru bid-diskors fuq il-Fosos tal-Furjana mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.