Il-Prim Ministru Ġappuniż, Yoshihide Suga, qal li mhux se jerġa’ jikkuntesta għat-tmexxija tal-Partit LDP fil-Gvern – b’din id-deċiżjoni effettivament tfisser tmiem għall-mandat tiegħu bħala Prim Ministru.
L-LDP, fid-29 ta’ Settembru, għandu jorganizza elezzjoni għall-għażla ta’ President tal-partit u meta r-rebbieħ mistenni jkun anki l-mexxej tal-Ġappun, peress li l-LDP igawdi maġġoranza fil-Parlament ta’ Tokjo.
Yoshihide Suga kien inħatar Prim Ministru sena ilu biss, wara r-riżenja tal-eks Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe.
Intant, l-aħbar mhux mistenni li Suga mhux se jikkuntesta għal Kap tal-LDP kienet ikkonfermata fi żmien meta hu sejjer ħażin ħafna fl-istħarriġ popolari.
Il-Ġappun, li għadu fi stat ta’ emerġenza, bħalissa, qed jikkonfronta l-agħar mewġa tal-Covid-19 fl-istorja tiegħu u meta l-pajjiż irreġistra ‘il fuq minn 1.5 miljun każi tal-virus. Fl-istess ħin, il-programmi tat-tilqim jidhru li għaddejjin bil-mod wisq f’dan il-pajjiż, bis-sitwazzjoni qed turta lil ħafna Ġappuniżi.
Sadanittant, id-deċiżjoni biex l-Olimpjadi ta’ din is-sena jsiru xorta (fil-Ġappun) minkejja l-impatt preokkupanti tal-pandemija ma kenitx waħda popolari mal-poplu.
//= $special ?>