Internazzjonali

Il-Covid fir-Renju Unit: Mhux it-tfal kollha bejn it-12 u l-15-il sena se jingħataw it-tilqima

Il-bord ta’ konsultanza dwar it-tilqim kontra l-Covid-19 (JCVI) fir-Renju Unit ma jridx jippermetti li t-tfal b’saħħithom bejn it-12 u l-15-il sena jingħataw it-tilqima bħala ‘sempliċi prevenzjoni’ u fuq ‘bażi ta’ saħħa’.

Madankollu, kelliema għall- JCVI qalu li l-Gvern Britanniku għandu jirrevedi s-sitwazzjoni waqt li jikkunsidra wkoll ‘l-issues aktar wiesgħa’– fosthom sitwazzjonijiet ta’ taqlib potenzjali għall-iskejjel.

Il-Ministru madwar ir-Renju Unit talbu lill-uffiċjali tas-saħħa ewlenin biex janalizzaw jekk ‘il-bilanċ tal-ġlieda kontra l-Covid tinqalibx sew favur il-poplu f’sitwazzjoni fejn it-tfal b’saħħithom ( tal-imsemmija kategorija) jingħataw il-vaċċin’.

Sadanittant, sar magħruf li mal-200,000 adolexxenti addizzjonali li jbatu minn ċerti kundizzjonijiet se jkunu eliġibbli għal żewġ dożi tal-vaċċin fir-Renju Unit.

Dan meta t-tobba qalu li t-tfal b’kundizzjonijiet tal-qalb kroniċi — l-istess bħall-kundizzjonijiet kroniċi fil-pulmun u l-fwied — għandhom sogru ferm akbar li jimirdu bil-Covid mit-tfal b’saħħithom, Intant, huma eliġibbli għall-vaċċin madwar 150,000 tfal Britanniċi bin-‘neurodisabilities’ serji jew li jbatu minn Down’s syndrome inkella li għandhom l-immunità tal-ġisem dgħajfa.

Dawn huma parti minn total ta’ tliet miljun tfal fil-kategorija ta’ età ( 12-15) partikulari madwar ir-Renju Unit.

Intant, id-deċiżjoni dwar it-tfal b’saħħithom ibbażat fuq it-tħassib dwar side effect mill-aktar rari tat-tilqima Pfizer li jista’ jwassal għall-infjammazzjoni tal-qalb.