l-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex iI-każ ta’ Yorgen Fenech mixli li fil-25 ta’ Novembru, 2018, akkwista u ordna armi u munizzjon illegali online jinstema’ bil-magħluq. It-talba saret minħabba s-sensittività tal-każ li għadu qed jiġi nvestigat. Din it-talba ma kellhiex oġġezzjoni mid-difiża.
Il-kumpilazzjoni qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Lia fejn Fenech qed jiġi mixli wkoll li għamel l-ordni tal-armi mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Fenech qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Kien l-Ispettur Omar Zammit li għamel din it-talba fejn qal li qed jagħmel dan ukoll minħabba xli hemm xhieda li jridu jixhdu f’dawn il-proċeduri. Il-Qorti staqsiet jekk il-prosekuzzjoni hux qed titlob li ma tinstemax ċerta xhieda u li jekk anke dak li kellu jixhed hu, kien qed jitlob li ma jiġix rapurtat, bl-Ispettur iwieġeb fl-affermattiv.
Yorgen Fenech jinsab għaddej proċeduri quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello mixli li organiżża l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fis-16 ta’ Ottubru, 2017. Kumpilazzjoni oħra li se jiffaċċa n-negozjant, hija dik dwar ħasil ta’ flus li mistennija tibda tinstema’ fil-jiem li ġejjin mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Meta Fenech tressaq dwar il-każ tal-armi l-Prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjoni dwar il-każ bdiiet ftit xhur ilu meta kien hemm l-estrazzjoni tal-mowbajl ta’ Fenech. Ingħad ukoll li l-każ għadu qed jiġi investigat, “għax ma nafux għalfejn l-armi kienu fil-ħsieb li jinxtraw. nYorgen Fenech kien ordna żewġ hand grenades, żewġ submachine guns, mijiet ta’ balal u cyanide powder, fl-2018.
Dan kien ġie żvelat ukoll fit-18 ta’ Awwissu meta l-Imħallef Giovanni Grixti li kien qed jisma’ s-sottomissjonijiet mid-difiża u l-prosekuzzjoni dwar it-talba għall-pleġġ ta’ Fenech. Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia kien qal li din l-informazzjoni waslet minn emails misjuba fuq l-apparat ta’ Fenech li wrew kif ħallas f’Bitcoin għal tip ta’ velenu u armi.
Galea Farrugia qal li Fenech kien li l-pakketti ta’ cyanide powder il-hand grenades, is-l-submachine guns u mijiet ta’ balal, tħallsu f’Bitcoin. Dawn l-emails kienu mill-2018, wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Pulizija kompliet għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar dan ix-xiri u temmen li issa tinsab f’qagħda li għandha provi biżżejjed dwar dak li żvela d-Deputat Avukat Ġenerali.
Il-Prosekuzzjoni fil-każ tal-armi tmexxiet mill-Ispetturi Omar Zammit u Geoffrey Cutajar. Għal Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Charles Mercieca, Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran.