Għawdex Lokali Qorti

Ir-raġel ta’ Giovanna Debono lliberat minn kull akkuża wara l-appell tal-AĠ

Ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono għal darb’oħra ġie liberat mill-akkużi li saru numru ta’ snin ilu fil-konfront tiegħu wara li l-Avukat Ġenerali appellat mis-sentenza li ta l-Maġistrat Neville Camilleri f’Marzu li għadda li fiha twaqqa’ l-istejjer kollha li kien imbotta l-Partit Laburista biex jipprova jkisser lil Giovanna Debono.

Anthony Debono kien tressaq mill-Assistent Kummissarju, Ian Abdilla, li kien imexxi t-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, u l-Ispettur, Rennie Stivala, bi 13-il akkuża, fosthom misapproprijazzjoni, frodi u falsifikazzjoni għad-dannu tal-Gvern fis-sena 2013 u qabel.

Dakinhar, il-Maġistrat Camilleri ma sabx lir-raġel tal-eks Ministru, Giovanna Debono, ħati tal-akkużi kollha u ċanfar lill-Pulizija li setgħet investigat il-każ aħjar biex Toni Debono, li għalih kien qed jidher l-avukat Joe Giglio, jevita milli qatt kellu jiġi mressaq il-Qorti fuq akkużi serji kriminali.