Lokali

“Ma nistax nistenna biex inkanta għall-poplu Malti”

Wara nuqqas ta’ ftit anqas minn sentejn mill-aħħar kunċert għall-pubbliku f’art twelidu, kawża tal-pandemija, it-Tenur Malti ta’ fama internazzjonali Joseph Calleja se jirritorna lura bil-kbir b’kunċert fuq il-Fosos tal-Furjana s-Sibt filgħaxija.

Ma’ Joseph Calleja se jingħaqdu l-kantanti Fiorella Mannoia, Michele Zarrillo u Nek, li flimkien mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, kif ukoll is-Sezzjoni tar-Ritmu u l-Kor ta’ SanRemo – taħt id-direzzjoni ta’ Mro Leonardo De Amicis – se joffru spettaklu mill-aqwa.

“Il-kunċert ismu miegħu – is-70 sena ta’ SanRemo. Se jkollna l-cavalli di battaglia ta’ SanRemo. Fir-rehearsal tal-bieraħ għamilna ħafna diski u llejla ġejja Fiorella. Iġifieri minn ġej, mhux se jkun iddiżappuntat.”

Issa li l-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa qed jittaffew, tant li fl-udjenza s-Sibt jistgħu jidħlu sa massimu ta’ 2,000 persuna fuq il-Fosos, Joseph Calleja qal li hu xi ftit surreali għalih li ġieh iċ-ċans jerġa’ jkanta f’kunċert bħal dan quddiem il-poplu ta’ art twelidu, hekk kif il-pandemija ostakolatu milli jtella’ kunċerti bħal dawn.

“Issa hu l-mument li bil-mod li nerġgħu nibdew niftħu u x’hemm aħjar milli niftħu bil-kultura, bil-mużika u bl-arti. Studju varji urew li kunċerti klassiċi, it-trażmissjoni tista’ tgħid li hija waħda negliġenti, anki qabel il-vaċċin, iġifieri se nkunu siguri billi nsegwu l-protokolli kollha tas-saħħa.”

Għalkemm dan il-kunċert se jkun miftuħ biss għal dawk li huma mlaqqmin, dan ma xekkilx l-entużjażmu tat-Tenur Malti li jerġa’ jidwi leħnu fuq il-Fosos tal-Furjana.

 “Għalkemm se nkunu b’udjenza ridotta immens minħabba dawn ir-regolament, vera ma nistax nistenna biex nerġa’ nkanta għall-poplu Malti u għal dawk li ħa jiġu għall-kunċert.”

Biljetti għal dan il-kunċert, li qed jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Bank of Valletta, jistgħu jinkisbu minn fuq showshappening.com u l-udjenza hi mitluba tippreżenta Ċertifikat tal-Vaċċin flimkien mal-ilbies obbligatorju tal-maskra.