Raġel ta’ 42 sena, imwieled Tas-Sliema u residenti l-Imsida ġie mixli quddiem il-Maġistrat Monica Vella li fl-14 ta’ Awwissu li għadda ħebb għal tliet kuntistabbli tal-Pulizja fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun u li kkommetta feriti ħfief fuq tnejn minnhom.
Joseph Zammit li qal lill-qorti li jaħdem bħala kollettur tal-iskart wieġeb mhux ħati li għall-ħabta tat-7.50pm. ħebb u hedded lill-uffiċjali tal-Pulizija wara li kien arrestat b’rabta ma’ argument li kellu ma’ xi ħadd ieħor.
Il-prosekuzzjoni qalet fil-qorti li dan ġara meta l-akkużat ma kienx f’sensih u li l-istess Zammit lanqas biss jaf min hu jew li kellu xi jgħid ma’ xi ħadd. L-Ispettur Andy Rotin akkuża lil Zammit ukoll li wettaq dawn ir-reati bl-iskop li jbeżża’ jew idejjaw membri tal-korp tal-Pulizija, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tagħhom u li fixkilhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied u li sar riċediv. L-Avukat Roberto Montalto għamel talba għal libertà proviżorja f’isem il-klijent tiegħu li kellha oppożizzjoni minn naħa tal-prosekuzzjoni.
L-oġġezzjoni saret għax ir-reati saru fuq uffiċjali tal-korp tal-pulizija, għandu komdotta ta’ 40 faċċata, li diġa’ kien ingħata l-libertà proviżorja fuq każ ta’ vjolenza domestika u li għad hemm ukoll xhud pajżan li jrid jixhed f’dawn il-proċeduri.
L-Avukat Montalto qal li l-inċident seħħ fl-14 ta’ Awwissu, tliet ġimgħat ilu u ma ġara xejn minn dak inhar biex wieħed jgħid li dan ma ħaqqux il-pleġġ. Tenna li jekk kien hemm xi biża’ li Zammit seta’ jikkontamina l-provi, dan ma seħħx. Qal li wieħed irid iħares lejn il-mod ta’ kif ġab ruħu l-akkużat minn dak inhar sal-lum.
L-Ispettur Andy Rotin li ressaq lil Zammit qal li meta kien arrestat ma kienx qed iġib ruħu sew u deher li kellu bżonn l-għajnuna u għalhekk intbagħat l-isptar Monte Carmeli, għax kieku kien jitressaq il-qorti mill-ewwel.
L-Avukat Montalto wieġeb billi qal li Zammit dam biss l-isptar jumejn u fil-fatt kien lura d-dar fis-16 ta’ Awwissu. Sostna li vera kellu xi problemi u fil-fatt ngħata l-medikazzjoni li għandu bżonn u li għadu għaddej bija sal-lum.
L-Avukat kompla jisħaq li huwa beda fl-impieg li għandu ftit ilu u jekk jinżamm arrestat jispiċċa qiegħed. Tenna li huwa qed jagħti l-manteniment minħabba li huwa missier u għalhekk jidher li ħajtu tinsab aktar ordnata llum.
Il-qorti laqgħet it-talba għall-pleġġ ta’ Zammit fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €8,000 u li ma jkellimx lix-xhud li ssemma’ fil-każ, jekk jiftakar min hu u lill-Pulzija allegati vittmi. Il-qorti ordnat ukoll lill-akkużat biex ikun id-dar sal-10.00pm. u ma joħroġ qabel is-6.00am.
Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegati vittmi bl-akkużat jiġi nfurmat li jekk din tinkiser minnu, huwa jista’ jiġi kundannat mhux aktar minn sentejn ħabs jew multa ta’ €7,000 jew it-tnejn flimkien. Il-Maġistrat Vella għaldaqstant wissiet lil Zammit biex fl-ebda ħin jew mument ma’ jagħmel kuntatt magħhom.
Sadanittant huwa ngħata l-ordni wkoll li jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u dan se jagħmlu fl-għassa tal-Belt, minħabba li fuq il-każ pendenti li għandu huwa qed jiffirma fl-għassa tal-Belt kapitali.
//= $special ?>