Lokali

Silvio Schembri ma jammettix li l-Gvern falla fil-Blockchain

Il-Gvern ta’ Robert Abela jidher li se jibqa’ stinat u ma jagħmel xejn quddiem il-falliment fl-istrateġija biex pajjiżna jsir Blockchain Island.

Konferma ta’ dan waslet mingħand il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri – responsabbli minn dan is-settur – li minflok, għażel li jattakka lil min ħames snin ilu kiteb l-abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Blockchain.

Fl-2016, Steve Tendon kien qal li jekk din l-Istrateġija tidħol fis-seħħ, pajjiżna jsir Blockchain Island. Madankollu, ħames snin wara, hu qal li l-Gvern għamel traġedja ta’ żbalji.

F’email li bagħat lill-membri tal-Blockchain Island Club, Tendon spjega dan kollu flimkien mar-raġunijiet tiegħu għaliex xolja dan il-grupp u għaliex ħass li ma kellux jaħdem mal-Gvern ta’ Robert Abela.

Kiteb li l-Gvern ma tax kas ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mid-dokument u issa, bl-avvenimenti riċenti, bl-atti kriminali u l-korruzzjoni fil-Gvern, kif ukoll bil-fatt li Malta spiċċat greylisted mill-FATF, it-terminu “Blockchain Island” sar isem li ma jixraqx lil pajjiżna.

Iżda quddiem dan kollu, u muri kopja tal-email, il-Ministru tal-Ekonomija dawwar il-kanuni fuq Steve Tendon u qal li dan kien biss wieħed minn ħafna. Dan meta, fil-verità, Tendon ma kienx wieħed minn oħrajn, iżda dak li kiteb l-abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali.

Fl-email tiegħu, Steve Tendon tenna li l-istrateġija li adotta l-Gvern hi traġedja ta’ żbalji, tant li ma ħassx li kellu jibqa’ assoċjat mat-tmexxija ta’ Abela. Iżda ffaċċjat b’dan kollu, il-Ministru Silvio Schembri qal biss li għalih, dan mhux falliment.

Fis-snin li għaddew, Silvio Schembri ftaħar kemm-il darba li t-teknoloġija tal-Blockchain kellha ssarraf f’10% tal-Prodott Gross Domestiku sal-2025, filwaqt li joħloq impjiegi ġodda … iżda kollox tar mar-riħ.