Ambjent Lokali

Proposti mill-Partit Nazzjonalista li jwasslu biex spazji miftuħa jitgawdew mill-pubbliku

Il-Partit Nazzjonalista bl-ewwel sett ta' proposti fil-qasam tal-ambjent

Seba’ proposti biex il-poplu tassew igawdi minn ambjent aħjar, aktar spazji miftuha, flimkien mar-riġenerazzjoni tal-lokalitajiet tagħna. Dawn il-proposti tal-PN tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Gvern Alternattiv b’Viżjoni, bil-Ġid Komuni fiċ-Ċentru” – dan bħala parti mill-kampanja Kun il-Bidla.

Dawn is-7 proposti gew prezentati minn 3 kelliema tal-PN, fosthom id-deputat Robert Cutajar, li hu responsabbli mis-settur ambjentali.

“L-ambjent bis-serjetà għall-Partit Nazzjonalista huwa prijorità. Spiċċa ż-żmien tal-kliem. Spiċċa ż-żmien li noqogħdu nilagħbu bil-kliem u noqogħdu ntellgħu l-billboards. Irridu naħdmu biex nagħtu lill-poplu Malti proposti fattibli, konkreti imma li jkunu ukoll fl-interess tal-ġid komuni.”

Id-deputat Nazzjonalista elenka l-ewwel 4 proposti li fihom il-PN qed iħares lejn il-bini ta’ tree map u green score fl-irħula u l-ibliet, l-investiment biex jintraddu l-ispazji pubbliċi lura lill-poplu, it-tħaddir ta’ toroq kif ukoll ir-riġenerazzjoni ta’ wesgħat mitluqa, aktar żoni pedonali fil-lokalitajiet, it-tisħiħ tal-bijodiversità rurali u urbana flimkien mal-protezzjoni tal-bdiewa u r-raħħala.

Il-proposti l-ohra ġew preżentati mill-President tal-MŻPN, Gabriel Micallef – proposti li huma msawwrin fuq il-ħarsien tal-aċċess liberu f’postijiet publiċi fil-kampanja u mal-kosta, il-ħolqien ta’ fond nazzjonali għall-protezzjoni ta’ ħolqien ta’ binjiet u ġonna storiċi fil-lokalitajiet kif ukoll it-tisħiħ ta’ inċentivi li jippromwovu inizjattivi ambjentali fi djar residenzjali.

Il-konsultazzjoni pubblika se tkun iċ-ċavetta biex dawn il-proposti jiddaħħlu fis-seħħ mhux biss mill-Gvern Ċentrali, iżda anki mill-Kunsilli Lokali, u l-Għaqdiet Volontarji, inkluż dawk taż-żgħażagħ u s-Soċjetà Ċivili.

 “Nirringrazzja lill-PN talli ta l-opporunità lil żgħażagħ bħali biex nipparteċipaw f’dawn il-clusters tant informattivi, niddiskutu kif nixtiequ ngħixu l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna. Minn hawnhekk nieħu l-opportunità biex nappella liż-żgħażagħ ta’ rieda tajba biex anki huma jkunu parti mill-bidla, jipparteċipaw, iħabbtu l-ideat tagħhom u jsemmgħu leħinhom f’dan il-proċess importanti li qed nagħmlu għal pajjiżna.”

Il-kandidat Janice Chetcuti, li qed tmexxi l-grupp t’azzjoni PN Greens, minn naha taghha tat rendikont tal-ewwel jiem ta’ ħidma tal-istess grupp li qed jaħdem b’sinerġija mal-cluster tal-ambjent.

 “L-ambjent u l-protezzjoni tiegħu se jkunu l-qafas tal-politika li se ssawwar l-manifest għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Però mhux biss, għandna bżonn ukoll nikkonsultaw miegħek. Din il-ġimgħa nedejna is-sit kunilbidla.com fejn qed nistiednuk taċċessaha u ttina l-kummenti tiegħek, mhux biss fuq is-sit iżda anki fuq l-email greens@pn.org.mt. Kun parti int ukoll bħali, magħna biex inkunu l-bidla għal ambjent sabiħ li jdawwarna u li ttina l-ħajja sabiħa li tistħoqqilna lkoll.”

Ritratt: Martin Agius

Dawn huma l-proposti li tħabbru llum:

1.         Nibnu tree map u green score għal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.

2.         Investiment biex nagħtu spazji pubbliċi lura lin-nies, inħaddru t-toroq u nirriġeneraw wesgħat mitluqa fuq livell lokali.

3.         Zoni pedonali f’kull lokalità u parkeġġi pubbliċi li jinkludu infrastruttura għall-karozzi elettriċi.

4.         Nipproteġu l-bdiewa u r-raħħala li jħaddmu l-art bejn l-irħula u nsaħħu l-biodiversità urbana.

5.         Insaħħu d-dritt għall-aċċess liberu f’postijiet pubbliċi fil-kampanja u l-kosta.

6.         Fond nazzjonali għall-protezzjoni ta’ binjiet u ġonna storiċi fil-lokalitajiet.

7.         Ninċentivaw inizjattivi ambjentali fid-djar residenzjali u binjiet okkupati minn NGOs.

Il-kelliema saħqu li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem flimkien ma diversi persuni involuti f’dan is-settur biex verament jipproponi politika li ġġib il-bidla. Huma fakkru kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed itella’ konferenza nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima fil-ġimgħat li ġejjin biex il-politika tal-PN tkun verament dak li jridu n-nies.

Fl-aħħar ġranet il-Partit Nazzjonalista nieda l-kampanja ‘Kun il-Bidla’ bl-iskop li n-nies ikunu parteċipi fit-tfassil tal-politika. Din il-kampanja fl-ewwel jiem tagħha sabet appoġġ kbir b’mod b’partikolari permezz tan-numru ta’ viżitaturi li żaru s-sit www.kunilbidla.com.