Żagħżugħ ta’ 18-il sena ġie kundannat tliet xhur ħabs wara li ammetta li nhar l-Erbgħa li għaddew seraq flus mill-pensjoni u sawwat anzjana ta’ 77 sena li tiġi z-zija ta’ missieru u dan biex jissodisfa l-vizzju tiegħu għat-teħid tad-droga. Quddiem il-Maġistrat Monica Vella ħareġ li din kienet it-tielet darba li Dante Buhagiar seraq lill-anzjana li tieħu ħsieb raġel ta’ 62 sena li jinsab f’siġġu tar-roti. Il-mara tieħu ħsiebu mhux biss fiżikament iżda anke finanzjarjament minħabba li d-dħul tiegħu mhuwiex biżżejjed biex jgħix ħajja deċenti.
Buhagiar ammetta li wettaq dan ir-reat bejn il-5.00pm u s-7.00pm fid-dar tal-anzjana fil-Belt Valletta. Huwa ammetta li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq l-anzjana li spiċċat tingħata l-kura fil-Berġa tas-Saħħa tal-Floriana. Ammetta wkoll li kiser żewġ probations, waħda fid-9 ta’ Settembru tas-sena l-oħra u tad-29 ta’ April li għadda. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Martin Fenech qal lill-Qorti li huwa kien qed jammetti fi stadju bikri tal-proċeduri u li qal li ma kien hemm l-ebda periklu ċar f’dak li huwa wettaq fil-konfront tal-anzjana, anke jekk huwa minnu li għamel ħażin.
L-Ispettur Stephen Gulia qal li l-ġrieħi sar fuq mara fraġli ta’ 77 sena, u li din spiċċat biex waqgġħet mal-art u setgħet spiċċat agħar. Tenna li fid-darbtejn preċedenti huwa seraq ukoll lil anzjana li parti mill-pensjoni tagħha iżżomhom biex tgaħħdihom lil persuna li tinsab fil-wheel chair.
L-Ispettur qal ukoll li l-uffiċjal tal-probation qallu li Buhagiar mhux sejjer tajjeb u kemm il-darba jfalli appuntamenti miegħu. Qal li minn serq issa l-kwistjoni kibret fi vjolenza. L-Avukat Fenech qal li l-klijent tiegħu għandu bżonn l-għajnuna u jrid jara kif se jibni ħajtu mill-ġdid.
Il-Qorti wissiet lil Buhagiar bi kliem iebes u qaltlu biex jimmedita waqt li jkun il-ħabs forsi jara kif se jbiddel ħajtu u joħroġ mis-sitwazzjoni. Ingħad lilu wkoll li irid jibqa’ jsegwi lill-uffiċjal tal-probation u joqgħod għal ordnijiet għax jekk jonqos milli jagħmel dan, għandu piena ta’ ħabs oħra tistennieh.
Il-ħati qal li huwa kien qed jiġi mhedded, xi ħaġa li l-qorti ma emmnitx fejn qaltlu wkoll li jekk ġie mhedded minn xi ħadd kellu jagħmel rapport lill-Pulizija. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti kkunsidrat diversi fatturi fosthom li huwa ma ħax l-opportunitajiet mogħtija mill-Qorti qabel, li wettaq ir-reati fil-konfront ta’ persuni anzjani, bir-raġel b’diżabilità preżenti għal dak li kien qed iseħħ u li ammetta fl-istadju bikri tal-proċeduri.
Il-Qorti tagħtu piena taħt il-minimu minħabba l-età tenera tiegħu u ġiet estiża wkoll l-ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ tliet snin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Stephen Gulia, Lydon Zammit u Michael Vella.
//= $special ?>