Sport Sport Ieħor

17-il ġurnata wara li kellha ssir ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja, se jsiru uħud mit-tlielaq fil-Port il-Kbir

(Ritratt: TCM Photography)

Rapport: Stewart Said

Il-pressjoni tad-dilettanti tar-Regatta wasslet biex 17-il ġurnata wara li suppost kellha ssir ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja, se jsiru tlielaq tar-Regatta bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea dedikata għall-Isport. B’hekk ifisser li l-Aggregate Shield marbuta mar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja mhux se tingħata.

Normalment, it-tlielaq marbuta mal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport isiru f’Birżebbuġa iżda din id-darba se jsiru fil-Port il-Kbir. B’kollox se jsiru total ta’ sitt tlielaq. Dawn huma t-tlielaq tal-Frejgatina tan-nisa u t-tlielaq tal-Kajjikki u Tal-Pass b’Erbgħa fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena.

It-tlielaq minn Kategorija B mhux se jsiru filwaqt li minn dawk tal-Kategorija Open, se jsiru t-tlielaq tal-Midalji, Tal-Pass bi Tnejn u Tal-Pass b’Erbgħa.

Għalkemm din l-aħbar għal uħud hi pożittiva għax se jirritornaw xi tlielaq, uħud mid-dilettanti qed jistaqsu x’inhi d-differenza jekk se jsiru uħud mit-tlielaq fil-25 ta’ Settembru u mhux se ssir ir-Regatta normali tat-8 ta’ Settembru. Dan minbarra li jiżdied iċ-ċans li t-temp ma jkunx favorevoli biex isiru t-tlielaq.