Futbol Sport

Fgura Darts B u Qormi Hockey Club B jgħaddu għall-kwarti tal-finali

Fgura Darts B u Qormi Hockey Club B kisbu post fil-kwarti tal-finali tal-kampjonat tas-sajf organizzat mill-Malta Darts Association hekk kif matul din il-ġimgħa ntlagħbu l-play-offs.

B’hekk dawn iż-żewġ timijiet ingħaqdu ma’ Qormi Hockey Club A, Manchester Conquest A, Ħamrun Bayern A, Sliema Inter Darts Club, Żejtun Domus u Top Gun Bar li aktar qabel għaddew għal mal-aħħar tmienja ta’ din il-kompetizzjoni.

Sadanittant matul din il-ġimgħa Fgura Darts B, Qormi Hockey Club B u St Pauls Diamonds ħadu sehem fil-fażi tal-play-offs bil-logħob kollu jsir fil-klabb ta’ Żejtun Laċċi.

Fl-ewwel logħba, Qormi Hockey Club B iddominaw u għelbu lil St Pauls Diamond bl-iskor ta’ 6-0 bir-rebbieħa jkollhom lil Clifford Caruana li ġab punteġġi sbieħ ta’ 180 u 171. Fit-tieni logħba Fgura Darts B u St Pauls Diamonds spiċċaw fi dro ta’ 3-3 b’George Mizzi ta’ Fgura li kellu l-aqwa punteġġ ta’ 180. Finalment fl-aħħar logħba ta’ din il-fażi, Qormi Hockey Club B kisbu punti massimi meta għelbu lil Fgura Darts B 4-2.

Sadanittant matul din il-ġimgħa se jkunu qed jintlagħbu l-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni tas-sajf li niżlet għasel mad-dilettanti tad-darts f’pajjiżna fejn wara nuqqas ta’ aktar minn sena ta’ logħob kompetittiv, il-plejers jistgħu jerġgħu jilagħbu għalkemm b’miżuri ta’ mitigazzjoni marbuta mal-COVID-19.

Il-finali ta’ din il-kompetizzjoni hi skedata li tintlagħab nhar is-Sibt 18 ta’ Settembru 2021.