Lokali

Konkors Kanzunetta Indipendenza 2021 – ippreżentata t-tema #KKIgoesgreen

Jinsabu għaddejjin ġmielhom il-preparazzjonijiet għat-30 edizzjoni ta’ Konkors Kanzunetta Indipendenza fejn it-tema ta’ din is-sena se tkun #KKIgoesgreen.

Fil-fatt, il-kartolini tal-Konkors għal din is-sena qed isiru qlab il-kampanja Maltija, fosthom fl-għelieqi u fuq il-bajjiet. Dan sabiex jitqajjem għarfien dwar l-importanza li wieħed jieħu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna.

Net News tkellem ma’ Robert Cutajar, li qed jieħu ħsieb il-kumitat organizzativ ta’ dawn il-festivals fejn spjegalna aħjar l-għan ta’ ta’ dawn il-kartolini.

Fil-jiem li għaddew, il-Partit Nazzjonalista ta prijorità assoluta lill-ambjent tant li waqqaf il-grupp ta’ azzjoni ‘PN Greens’ li se jiffoka fuq il-politika ambjentali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-PN nieda wkoll l-ewwel sett ta’ proposti biex il-poplu tassew igawdi minn ambjent ahjar u aktar spazji miftuha… proposti li l-għan aħħari tagħhom hu l-interess tal-ġid komuni.

Il-preżentaturi fl-edizzjonijiet ta’ din is-sena ser ikunu Michela Dalli u Mark Azzopardi għall-KKI Junior filwaqt li Valerie Vella u Keane Cutajar se jippreżentaw il-KKI riservat għall-kantanti stabbiliti. Id-direttur artistiku tal-Konkorsi huwa Marco Calleja.

Is-serati finali tal-Konkorsi Kanzunetta Indipendenza  se jsiru fis-17 u t-18 ta’ Settembru biż-żewġ serati jixxandru live fuq NET TV fit-8.30pm.