Lokali

Tagħmir ġdid li se jgħin fil-ħidma tal-Protezzjoni Ċivili

Il-Protezzjoni Ċivili laqgħu aktar tagħmir ta’ vetturi li se jkunu qed jgħinu fl-operat ta’ salvataġġ li jista’ jkun hemm sejħa għalihom fil-futur.

Net News seta’ jara operazzjoni li mhux biss kienet tinvolvi tagħmir ġdid, iżda wkoll ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li taw preżentazzjoni ta’ kif issir il-ħidma ta’ salvataġġ fil-baħar.

Infatti l-aħħar investiment mal-flotta tal-Protezzjoni Ċivili, stajna narawh jaħdem f’sezzjoni ta’ taħriġ li kienet miftuħa għall-midja fl-ibħra taċ-Ċirkewwa, fejn rajna operazzjoni ta’ salvataġġ ta’ vettura li ttellgħat mill-baħar, bil-midja setgħat issegwi dan it-taħriġ anki permezz ta’ camera li kienet fil-baħar u li minnha stajna naraw dan l-eżerċizzju.

L-operazzjoni damet ftit minuti, fejn mill-ewwel fil-ħidma tagħhom il-bugħaddasa jinżlu jsalvaw lill-persuni li jkun hemm maqbuda fil-vetturi. Fl-eventwalità la darba l-persuna jew persuni jittellgħu mill-baħar, minn hemm, il- ħaddiema tal-protezzjoni Ċivili jibdew ħidma oħra biex il-vettura tittella’ mill-baħar mill-aktar fis.

Kelliem tal-Protezzjoni Ċivili qal li l-prijorità bħal dejjem tingħata lill-vittmi, iżda wara, l-ħidma tiffoka fuq il-vettura biex kemm jista’ jkun tittaffa l-ħsara li l-vettura tista’ tħalli fuq l-eko sistema marittima tal-madwar.  

Ritratti: Matthew Tabone