Internazzjonali

‘Eluf ta’ ribelli maqtula’ fl-Etjopja

L-Armata tal-Etjopja qed tgħid li qatlet ‘il fuq minn 5,600 ribelli tal-qawwiet ta’ Tigray li qed tikkumbatti magħhom qalb zoni lejn in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.

Il-konflitt imdemmi ilu għaddej minn Novembru, iżda l-istqarrija tal-Ġeneral Etjopjan Bacha Debele ma indikax iż-żmien ta’ meta r-ribelli sfaw eliminati. Dan waqt li numru ta’ korrispondenti ma jeskludux li r-ribelli setgħu nqatlu waqt battalji riċenti – bil-Ġeneral jirreferi wkoll għal aktar minn 2,300 ribelli midruba u 2,000 ribelli oħra li nħatfu priġuniera.

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li miljuni ta’ ċivili qed jissugraw li jmutu bil-ġuh minħabba l-effetti ta’ dan il-konflitt, waqt li l-Armata Etjopjana akkużat lill-Front (tar-ribelli) għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta’ Tigray b’li ‘qed jipprova jkisser lill-Ethopja. Dan wara li r-ribelli infiltraw ir-reġjuni ta’ Amhara u Afar u anki pruvaw jaħtfu l-kontroll ta’ Humera li tinsab mal-fruntiera bejn Tigray u Amhara.