Jekk irridu l-bidla, irridu naħdmu għaliha flimkien. Flimkien nistgħu nkunu kor ta’ bidla.
Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jiġi intervistat fuq NET FM u NET Television, fejn tenna l-konvinzjoni tiegħu li flimkien nistgħu nwasslu lil pajjiżna fejn jixraqlu.
Bernard Grech qal li bil-kampanja “Kun il-Bidla”, irid li kull Malti u Għawdxi jersaq lejn il-Partit Nazzjonalista ladarba dawn ikunu konvinti li jistgħu jagħmlu sehemhom b’risq pajjiżna.
Dan meta l-politika tal-Gvern Laburista wasslet biex pajjiżna jispiċċa greylisted, li tfisser li tilef il-kredibbiltà li xi darba kellu. Dan seħħ għax snin ilu kien hemm min, minflok wettaq dmiru, għażel li jħares in-naħa l-oħra. Għaldaqstant, hu appella lil min ikollu awtorità biex iżomm f’moħħu li din l-awtorità hi fdata f’idejh mill-poplu.
Mistoqsi minn Jerome Caruana Cilia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-proposti li tħabbru fl-aħħar jiem: PN Greens u l-Bord tal-Inġustizzji. Spjega li b’PN Greens, il-Partit Nazzjonalista qed juri b’konvinzjoni li l-Ambjent hu importanti għalih. Qal li dan il-grupp qed jagħti l-opportunità u spazju lil kulħadd. Fil-fatt, diġà ġabar fi ħdanu Ambjentalisti li s’issa qatt ma kienu lesti jaħdmu mal-Partit Nazzjonalista.
Dwar il-Bord tal-Inġustizzji, Bernard Grech spjega li ta’ kuljum, il-Partit Nazzjonalista qed jisma’ b’każi ġodda. Hu spjega li b’dan il-mod, il-Partit immexxi minnu qed jifhem aħjar l-uġigħ tal-Maltin u l-Għawdxin u, ladarba qed jirċievi wkoll każi li seħħew qabel l-2013, qed jara li l-apoloġija għal dawn in-nies tkun bil-fatti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tratta wkoll il-kwistjoni tal-Fake News, fejn qal li f’pajjiżna għandna wkoll Fake Government, li ta’ kuljum qed jordna lix-Xandir tal-Istat jgħawweġ il-fatti. Barra minhekk, il-Gvern u l-ħbieb tiegħu qed jipprovaw jikkontrollaw lill-poplu u jekk ma jirnexxielux, jhedded bil-kawżi tal-iSLAPP. Għaldaqstant, hu appella lill-Gvern ifittex jindirizza din il-kwistjoni mill-aktar fis.
//= $special ?>