Coronavirus Lokali

Imutu żewġ persuni oħra bil-COVID-19; vittma ta’ 41 sena

Fl-aħħar 24 siegħa mietu żewġ persuni oħrajn kaġun tal-Covid-19 – raġel ta’ 41 sena u mara ta’ 69 sena – bl-għadd tal-vittmi b’hekk jitla’ għal 444.

Dan ifisser li fl-aħħar tmint ijiem, pajjiżna kellu ħames vittmi kawża tal-virus, filwaqt li mhux magħruf jekk dawn kienux rikoverati fi sptar.

Dan hekk kif fl-Isptar Mater Dei hemm total ta’ 31 pazjent li huma pożittivi għall-Covid-19, bl-għadd ta’ persuni fit-Taqsima tal-Kura Intensiva jibqa’ tnejn.

NET News bagħat mistoqsijiet lil kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa biex tingħata aktar informazzjoni, partikolarment dwar il-vittmi. Madankollu, fit-tweġiba tagħha, il-kelliema qalet biss li l-Ministeru ma jistax jagħti informazzjoni.

Dan minkejja li, sa ftit xhur ilu, l-istess Ministeru kien jiddikjara li wħud mill-vittmi kellhom kundizzjonijiet ulterjuri ta’ saħħa.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat instabu 49 persuna pożittiva għall-virus, filwaqt li 43 persuna huma meqjusin bħala mfejqa, minkejja li swab test ġimgħatejn wara li persuna tkun irriżultat pożittiv, m’għadux obbligatorju.

Fid-dawl ta’ dan, il-każi attivi huma ta’ 723, hekk kif it-total ta’ każi pożittivi mill-bidu tal-pandemija hu 36,475, filwaqt li dawk meqjusin bħala mfejqa issa jammontaw għal 34,912.