Żewġt irġiel ta’ 31 sena u mara ta’ 24 sena mill-Venezwela, residenti s-Swieqi, ingħataw sentenza sospiża wara li attakkaw żewġ Uffiċjali tal-Pulizija li kienu qed jippruvaw jikkonfiskaw apparat li kien qed idoqq mużika b’volum għoli fit-3.30 ta’ filgħodu.
Il-każ seħħ wara li l-Pulizija rċiviet numru ta’ rapporti u ntbagħtu żewġ Uffiċjali tal-Pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Fil-post huma sabu grupp kbir ta’ persuni li, minkejja li ntalbu jitfu l-apparat tal-mużika, dawn irrifjutaw.
F’dan il-mument, l-akkużati attakkaw liż-żewġ Uffiċjali tal-Pulizija u, minbarra li saritilhom ħsara fl-uniformijiet, sarulhom xi feriti, tant li ntbagħtu f’Ċentru tas-Saħħa biex jingħataw l-għajnuna medika meħtieġa.
Fil-Qorti, id-Difiża ddikjarat li l-akkużati kkoperaw kompletament wara l-arrest u li ilhom jgħixu fil-pajjiż għal diversi snin.
Min-naħa tagħha, il-Maġistrat Charmaine Galea laqgħet it-talba tad-Difiża u tat sena ta’ priġunerija sospiża għal tliet snin lil żewġ imputati u xahar priġunerija sospiża għal tliet snin lill-aħħar imputat.
Barra minhekk, huma kienu mmultati 19,000 ewro bejniethom.
//= $special ?>