Lokali

Jibqa’ ma jagħmilx apoloġija

Il-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ ma jagħmilx apoloġija f’ismu u f’isem il-Partit Laburista għall-kampanja tal-assassinju tal-karattru li saret fil-konfront tal-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono u żewġha Tony li, minkejja l-isforzi tal-magna ta’ propoganda tal-Partit Laburista, aktar kmieni din il-ġimngħa ħareġ liberat minn kull akkuża.

U wara li l-Erbgħa, il-Prim Ministru ma kienx kapaċi jwieġeb domanda sempliċi dwar il-pressjoni li qed issirlu biex isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija …

… waqt intervista ta’ madwar 40 minuta fuq ir-radju tal-Partit Laburista, Abela baqa’ jevita wkoll milli jsemmi l-elezzjoni ġenerali.

Sadanittant, wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech il-grupp ta’ azzjoni PN Greens – li se jiffoka fuq il-politika ambjentali tal-Partit Nazzjonalista – il-Prim Ministru ħass li għandu jagħmel enfasi li l-Partit Laburista għandu l-Ambjent għall-qalbu.

Madankollu, hu ma semma’ xejn dwar kif, minkejja l-urġenza fil-qasam ambjentali, anke fid-dawl tar-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti li juri s-sitwazzjoni kritika anke biex ikunu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima, il-Gvern permezz tal-Ministru Aaron Farrugia għadu qed ikaxkar saqajh.

Minflok, il-Gvern niżżel il-miri tal-Unjoni Ewropa fil-qtugħ tal-emmissjonijiet, naqas milli jinvesti f’infrastruttura għall-karrozzi elettriċi u qed jinjora d-drittijiet ta’ dawk li jinvestu f’sistemi ta’ pannelli solari.