Lokali

Konferma li l-Gvern mhux se jgħin lin-negozjanti li ngidmu bil-vouchers diġitali

Il-Gvern ta’ Robert Abela mhux beħsiebu jgħin lil dawk is-sidien tal-ħwienet li ngidmu mill-problemi tekniċi fis-sistema tal-vouchers diġitali.

Fl-aħħar xhur, kienu diversi n-negozjanti li tkellmu ma’ NET News dwar problemi tekniċi fis-sistema li vvinta l-Gvern u li għalihom spiċċaw ingidmu huma.

Dan hekk kif spjegaw li kellhom xi ċirkostanzi fejn klijent iħallas bil-voucher diġitali, is-sistema turihom “OK” u l-klijent jinqatalu l-voucher mis-sistema tiegħu. Iżda meta jiċċekkjaw il-ħlasijiet tagħhom – anke wara ġimgħa jew ġimgħatejn – jinnutaw li ma jkunux tħallsu kemm suppost.

In-negozjanti kkummentaw li jifhmu li jista’ jkun hemm dewmien biex isir il-ħlas kollu, iżda nnutaw kif dawn id-diskrepanzi baqgħu għal diversi ġimgħat u allura, qed iqisu li mhu se jitħallsu qatt għal dawk il-vouchers diġitali partikolari.

Pereżempju, sid ta’ ristorant li tkellem ma’ NET News spjega li hu ngidem f’seba’ vouchers, jiġifieri €105. Sitwazzjoni li kienet ikkonfermata aktar minn xahrejn ilu mill-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber of SMEs, Abigail Mamo, u li tidher li għadha qed isseħħ minn żmien għal żmien.

Iżda meta ffaċċjat b’dan kollu u mistoqsi jekk il-Gvern hux se jkun qed jagħmel tajjeb finanzjarjament għal dawn il-problemi tekniċi, il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri wera li l-Gvern se jiġi jaqa’ u jqum minn dawn in-negozjanti.

Fil-fatt, hu ċaħad li kien hemm sitwazzjonijiet bħal dawn. Minflok, hu saħansitra waħħal fin-negozjanti li, meta jiġri hekk, ma jkunux qed jagħmlu l-proċedura kollha u b’mod korrett. Xi ħaġa li n-negozjanti li tkellmu ma’ NET News ċaħdu kategorikament, filwaqt li tennew l-appell tagħhom biex il-Gvern jagħti kas il-karba tagħhom.