Lokali

L-ewwel ħaġa li għandha ssir hi li jitkeċċa Alex Dalli – Andrew Azzopardi

“X’jonqos aktar? Naraw l-irjus jirromblaw jew in-nies imdendlin?”

Dan kien it-tħassib espress minn Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, fl-Università ta’ Malta, waqt li kien qed jiġi intervistat mill-gazzetta Illum dwar is-sitwazzjoni preżenti fi ħdan il-Ħabs kawża tal-irresponsabbilta tal-Kurunell Alex Dalli.

F’din l-intervista, Andrew Azzopardi kkonferma ħafna mill-informazzjoni li xandar NET News fl-aħħar ġimgħat, fosthom is-sitwazzjoni preżenti tal-ħabsin li qed jgħixu f’infern u kif il-Gwardjani tkellmu ma’ Azzopardi nnifsu dwar kemm huma mwerwrin mid-Direttur tal-Faċilità.

Andrew Azzopardi kompla li Alex Dalli, kemm-il darba ftaħar li qata d-droga fil-Ħabs. Madankollu, din il-kisba m’għandhiex tilliberah mill-akkużi serji li qed iqumu kontrih, inkluż il-mewt ta’ 13-il Ħabsi tort tat-tmexxija tiegħu. Kien hawn ukoll fejn talab li jsir test psikoloġiku fuq id-Direttur tal-Ħabs, kif ukoll evalwazzjoni ta’ jekk it-taħriġ tal-Uffiċjali tal-Ħabs hux qed isir skont il-Liġi mill-Akkademja tal-Korpi.

Andrew Azzopardi kompla li s-sitwazzjoni fil-Ħabs mhix biss problema li tinstab fi ħdan l-erba’ ħitan tal-Faċilità, iżda anke f’diversi entitajiet, bħall-General Workers Union u x-Xandir tal-Istat, li qed juru inazzjoni u f’ċerti każij ħabi u miżinformazzjoni tas-sitwazzjoni preżenti fil-Ħabs.

Sadanittant, Azzopardi qal li biex il-Ħabs jittejjeb u jkun post tassew ta’ rijabilitazzjoni, hemm bżonn li jinbidlu diversi affarijiet, inkluż li jitlesta programm ta’ rijabilitazzjoni għal priġunieri li se jtemmu is-sentenza tagħhom, kif ukoll li tinbidel l-arkitettura tal-Faċilità.

Azzopardi stqarr, madankollu, li minbarra li jiġu implimentati dawn il-proposti, l-ewwel ħaġa li għandha ssir hi li jitkeċċa Alex Dalli.

Tags