Il-poplu ta’ Montenegro spiċċa maħklum mit-tensjoni wara sensiela ta’ battalji li kienu jinvolvu dimostranti li ħaduha qatta bla ħabel kontra l-inawgurazzjoni ta’ Kap reliġjuż ġdid mill-Knisja Serba Ortodossa. Il-konferma saret waqt ċerimonja li kompliet tesponi l-arja ta’ firda fost il-Montenegrini – bil-pulizija fil-belt ta’ Cetinje tispara l-gass tad-dmugħ fuq folol ta’ dimostranti li kienu qed iwaddbu l-ġebel u l-fliexken.
Il-Montenegro nfirdet mis-Serbja fl-2006 iżda l-knisja f’dan il-pajjiż għadha mmexxija mill-Knisja Serba Ortodossa.
Sadanittant, numru ta’ Montenegrini – fosthom il-President ta’ Montenegro Milo Djukanovic – iqisu l-Knisja Serba Ortodossa bħala ‘simbolu tal-influwenza kontinwa tas-Serbja’. Fil-fatt, Djukanovic kien ħeġġeġ lid-dimostranti biex iħarbtu l-inawgurazzjoni ta’ Joanikije II bħala Kap tal-Knisja – kariga magħrufa wkoll bħala l-Metropolitan ta’ Montenegro u li tinkludi t-titlu tal-Arċisqof ta’ Cetinje.
Fi tmiem il-ġimgħa, mijiet ta’ dimostranti tellgħu l-barrikati biex jimblukkaw l-aċċess lejn Cetinje – bid-dimostrazzjonijiet jirrankaw illum waqt li kienet qed issir iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjon ta’ Joanikije II . Intant, id-dimostranti taw in-nar lil diversi barrikati, bl-inkwiet ikompli għal sigħat.
Id-dimostranti kkundannaw ‘l-aġir tas-Serbja li qed timponi l-politika tagħha fuq il-Montenegrini anki waqt li tiddettalhom id-drittijiet reliġjużi’”. Huma qed jinsistu wkoll li l-knejjes mibnija f’Montenegro ‘huma taċ-ċittadini ( Montenegrini) u l-Istat ta’ Montenegro.’
Id-diżgwid dwar l-influwenza tas-Serbja fuq Montenegro jestendi sal-ogħla tmexxija politika f’Podgorica. Dan waqt li l-Prim Ministru ta’ Montenegro, Zdravko Krivokapic – li hu sostenitur tas-Serbja – fisser id-dimostrazzjonijiet ta’ protesta f’Cetinje bħala ‘azzjonijiet terroristiċi’.
Il-President Djukanovic għadu ma rkuprax mit-telfa tal-Partit Demokratiku tas-Soċjalisti (DPS) fl-elezzjonijiet parlamentari tas-sena li għaddiet u li seħħet wara li l-istess Djukanovic kien xpruna leġislazzjoni li kellha tippermetti biex l-Istat ikollu d-dritt fuq il-proprjetà tal-Knisja. Il-mossa swiet ħażin lill-President peress li l-Knisja kienet appoġġjat lill-Oppożizzjoni fil-kampanja elettorali u bir-riżultat li d-DPS tilef il-poter għall-ewwel darba fi 30 sena.
Il-Montenegrini li jidentifikaw ruħhom bħala Serbi etniċi jagħmlu tajjeb għal madwar terz tal-popolazzjoni ta’ Montenegro ( 630,000) – u skont l-aħħar ċensiment. Il-maġġoranza tal-Montenegrni huma membri tal-Knisja Serba Ortodossa irrispettivament mill-aspett etniku tagħhom.
//= $special ?>