Knisja Kultura Lokali

Restawrata l-pittura titulari ta’ Marija Bambina fin-Naxxar

Pittura titulari mill-isbaħ, li reġgħet ngħatat il-glorja li kellha.

Dan hu dak li stajna naraw fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Bambina fin-Naxxar, hekk kif fl-aħħar xhur saret ħidma ta’ restawr mir-restawratur Luca Gatt. Ħidma li damet għaddejja tmien xhur.

“L-intervent beda billi tneħħa l-inkwatru minn fuq l-artal, wara bdejna għar-restawr estetiku, tneħħa dak l-irtokk l-antik, u sar ukoll il-konsodaliment tal-kulur, ovvjament l-inkwatru għandu ‘l fuq minn 300 sena, bdiet tinqala’ ż-żebgħa minn mat-tila u allura reġgħet weħlet din iż-żebgħa mat-tila”

Huwa qalilna li l-pittura issa twaħħlet b’mod diffenrenti mill-metodu li kienet imwaħħla qabel. It-titular huwa xogħol Giuseppe d’Arena u huwa maħsub li nħadem fil-bidu tat-18-il seklu, fis-sena 1705.

Mistoqsi dwar jekk fil-ħidma tiegħu kienx hemm biċċa xogħol li kienet ftit aktar iebsa, Luca Gatt weġibna hekk:

Il-pittura ddeċidejt li ma nwaħħaliex ma’ tila ġdida, kollox tħalla fuq dak oriġinali… għamilt dan biex inħarsu l-oriġinal tal-pittura u għalhekk din kienet ta’ sfida”

Luca Gatt qalilna li ħoloq ukoll metodu ta’ drapp apposta, biex l-umdità u elementi oħra ma jagħmlux daqshekk ħsara lill-inkwatru, xi ħaġa li jittama li se tkun qed tgħin biex dan il-wirt storiku jibqa’ dejjem viċin l-oriġinal u ssirlu anqas ħsara.

Il-pittura kif kienet qabel, u kif tinsab issa