Kaos sħiħ u xeni li qatt ma rajna qabel waqt logħba futbol, ikkarateriżżaw il-bidu tal-partita bejn il-Brażil u l-Arġentina li kellha tintlagħab illejla. Ħames minuti mill-ftuħ tal-logħba, uffiċjal tal-ANVISA, flimkien ma’ numru ta’ Pulizija Brażiljana, invadew il-grawnd u ordnaw li titwaqqaf il-partita dak il-ħin stess. Ir-raġuni għal dak li kien qed jiġri wara biss ftit ħin li kienet bdiet il-partita, mal-ewwel dehret li kienet marbuta ma’ dawk li huma proċeduri ta’ siġurtá kontra l-COVID-19.
L-ewwel rapporti bdew jindikaw li l-awtoritajiet tas-saħħa fil-Brażil kienu qed jitolbu sabiex erba’ plejers Arġentini, u li jilgħabu fil-Premier League fl-Ingilterra, ikunu deportati mill-pajjiz b’mod immedjat. Tlieta minn dawn l-erbgħa kienu fil-formazzjoni inizjali tal-kowċ Lionel Scaloni. L-erba’ plejers fiċ-ċentru ta’ din il-kontroversja sħiħa huma d-duo ta’ Tottenham Hotspurs, Giovani Lo Celso u Cristian Romero, u ż-żewġ plejers ta’ Aston Villa, Emiliano Martinez u Emiliano Buendia.
Jingħad li sagħtejn qabel il-bidu tal-partita, l-istess awtoritajiet tas-saħħa, kienu diġa’ għamlu din it-talba, bl-akkuża kienet li dawn il-plejers allegatament kienu gidbu lill-awtoritajiet fil-Brażil, mal-wasla tagħhom fil-pajjiż, biex jilgħabu din il-partita, dwar jekk kienux għamlu l-14-il ġurnata ta’ kwarantina qabel ivvjaġġaw lejn il-Brażil. Sabiex wieħed jifhem ix-xenarju ta’ din l-istorja kollha, wieħed għandu jkun jaf li l-Gvern fil-Brażil, impona kundizzjoni, bħala parti mill-miżuri ta’ sigurtá kontra l-COVID-19, li kwalunkwé ċittadin, li m’huwiex ta’ nazzjonalitá Brażiljana, u li fil-ġimgħatejn ta’ qabel li jkun ivvjaġġa lejn il-Brażil, ikun fir-Renju Unit, ma jistax jidħol il-Brażil, qabel ma jkun għamel perjodu ta’ 14-il jum f’iżolament mandatorju.
Fid-dawl ta’ dan il-fatt, għajnejn l-uffiċjali tas-saħħa fil-Brażil kienu diġa’ fuq Lo Celso, Romero, Emiliano Martinez u Emiliano Buendia, peress li dawn jlgħabu fl-Ingilterra. Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li dawn il-plejers naqsu milli jimxu skont ir-restrizzjonijiet mitluba minnhom, bl-iskuża, jew għax kienu taħt l-impressjoni, li dawn huma atleti sportivi elite u allura f’dan il-każ dawn il-kunduzzjonijiet ma japplikawx għalihom.
Il-partita twaqfet għal ħin twil, u eventwalment spiċċat biex ġiet sospiża.
//= $special ?>