Lokali

24 kumpanija waqqfu l-operat minn Malta wara l-greylisting

“Jeħtieġ impenn serju biex noħorġu mill-greylist” - PN

“Jeħtieġ nipprovdu prospettiva lill-industrija – jeħtieġ impenn – irridu naħdmu biex Malta, minnufih toħroġ mill-greylist tal-Financial Action Task Force.” – Dan kien il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn filgħodu quddiem l-uffiċini tal-MFSA.

Il-Kelliem tal-PN Peter Agius flimkien mad-Deputat Kristy Debono u l-Kandidat tal-PN Jerome Caruana Cilia wasslu l-messaġġ tal-ħaddiema u l-kumpaniji fil-qasam tas-servizzi finanzjarji li jinsabu nkwetati bil-mod ta’ kif il-Gvern qed jibqa’ jonqod milli jirreaġixxi għall-Greylisting b’miżuri konkreti u li jagħtu tama lill-kumpanniji biex jibqgħu Malta.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet saret fid-dawl tal-fatt li sa minn meta pajjiżna spiċċa greylisted f’Ġunju li għadda, kien hemm b’kollox 24 kumpanija li waqqfu l-operat tagħhom minn Malta. Dan ifisser daqqa enormi fuq mijiet ta’ ħaddiema li spiċċaw bla xogħol.

Peter Agius saħaq li l-pjan biex noħorġu minn din il-lista “huwa mistur għall-ftit nies qrib Robert Abela u ċertament mhux jasal għand il-professjonisti u ħaddiema fl-industrija li qed iħarrsu lejn futur mimli inċertezza. Hu sakkar kif il-Greylisting mill-komunita’ internazzjonali huwa messaġġ ċar lill-Gvern Laburista li dan mhux fdat biex jara li Malta tapplika l-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus. “Dan seta’ jiġi evitat mill-istess Gvern kieku ħa bis-serjeta’ r-reputazzjoni ta’ Malta, iżda issa jeħtieġ li pajjiżna jirreaġixxi b’messaġġ ta’ tama lill-eluf ta’ professjonisti fis-settur u lill-kumpanniji tas-servizzi finanzjarji biex dawn jissaportu ż-żmien minimu fuq il-lista l-griza sakemm pajjiżna jerġa lura fuq il-lista l-bajda.”

Minn naħa tagħha, id-Deputat Kristy Debono saħqet li l-Gvern irid juri verament ir-rieda politika tiegħu billi jara li jkun hemm rendikont tar-responsabbilitajiet li ma nġarrewx fl-FIAU u fil-Ministeri responsabbli li tappnu r-reputazzjoni ta’ Malta. “Il-Gvern Laburista jidher li huwa impotenti jew inkapaċi li juri din ir-rieda politika, huwa għalhekk li Robert Abela qed jilgħab għall-ħin u talab minimu ta’ 18-il-xahar biex Malta terġa tieħu posta bi dritt fuq il-lista l-bajda. Il-Partit Nazzjonalista min naħa l-oħra huwa determinat li japplika r-rieda soda tiegħu li Malta tkun fuq il-lista l-griża u jimpenja ruħu li pajjiżna joħroġ mil-lista l-griża fi żmien tlett xhur minn meta l-poplu jagħti l-fiduċja lil Gvern ġdid Nazzjonalista.”

Il-Kandidat tal-PN Jerome Caruana Cilia stqarr li Gvern ġdid Nazzjonlista jindirizza l-ħafna skumditajiet li daħlu fl-industrija tort tal-greylisting. Hu qal li “il-PN se jara li jkun hemm rapport kontinwu mal-industrija biex jiġu ndirizzati l-bżonnijiet prattiċi kollha tal-kumpaniji u l-ħaddiema fis-settur – bżonnijiet li issa kibru minħabba l-greylisting u r-riperkussjonijiet li ġabet magħha. Hu fakkar li l-gvern għadu ma ħa l-ebda passi biex dawk kollha responsabbli jagħtu rendikont ta’ għemilhom, filwaqt li spjega li l-greylisting mhux biss se jolqot lil dawk li direttament jaħdmu fis-settur.. iżda lil kulħadd.”