Il-battalja għall-kontroll tal-aħħar provinċja fl-Afganistan li mhix ikkontrollata mit-Talibani ħraxet bil-kbir fl-aħħar sigħat, iżda ħadd ma jaf eżatt jekk seħħx xi żblokk sinifikanti favur naħa jew oħra.
Fil-fatt, l-aħbarijiet mill-Afganistan baqgħu konfliġġenti, meta t-Taliban – li fl-aħħar jiem bagħtu eluf ta’ ġellieda fil-Wied ta’ Panjshir – u l-qawwiet rivali li qegħdin jirreżistuhom it-tnejn taw versjonijiet differenti tal-iżviluppi. Dan waqt li kwalunkwe naħa baqgħet tisħaq li kienet ‘qed tilħaq it-tragwardi militari rispettivi’.
Filwaqt li t-Talibani, fl-aħħar sigħat, iddikjaraw li ħadu ‘kontroll assolut’ fil-provinċja ta’ Panjshir, il-gellieda tal-Front Nazzjonali għar-Reżistenza Afgana, taħt it-tmexxija ta’ Ahmad Massoud, baqgħu jgħidu li z-zona, lejn it-Tramuntana ta’ Kabul, kienet għadha taħt idejhom u li ‘il-ġlied kien qed ikompli’.
Kelliema għar-reżistenza Afgana saħqu li huma ma tilfux il-kontroll tal-pożizzjonijiet strateġiċi u li huma għadhom determinati ‘biex il-fanatiċi tat-Taliban ma jiksbux imqar ċentimetru ieħor ta’ art’.
Mill-banda l-oħra, kelliema Talibani qalu li l-ġellieda tagħhom ‘irnexxielhom jeliminaw l-aħħar reżistenza mill-Wied ta’ Panjshir’, għalkemm xejn ma kien ikkonfermat mis-sorsi indipendenti.Sadanittant, hu minnu wkoll li t-Talibani ħarġu filmat fejn il-ġellieda tagħhom dehru qegħdin itellgħu il-bandiera tal-moviment Iżlamiku barra l-uffiċċju tal-Gvernatur provinċjali f’Panjshir.
Il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban, tliet ġimgħat ilu, kienu ħatfu l-kontroll fl-ibliet prinċipali kollha tal-Afganistan wara offensiva ta’ jiem u wara li litteralment ikkrollaw il-qawwiet tal-Gvern Afgan preċedenti li kellu l-appoġġ tal-Istati Uniti u potenzi oħrajn.
It-tluq tal-aħħar suldati Amerikani, Britanniċi u Ewropej mill-Afganistan ippermetta biex it-Talibani jikkonsolidaw il-poter f’Kabul u l-ibliet oħra waqt li jintroduċu mill-ġdid il-liġijiet Iżlamiċi primittivi li mistennija jdaħħlu lill-pajjiż mill-ġdid f’era tad-dlam.
Sadanittant, Ahmad Massoud bagħat rekording fuq il-media soċjali fejn qed isejjaħ għal ‘rewwixta nazzjonali’ kontra t-Taliban, Hu żvela wkoll li l-militanti kienu attakkaw lill-qawwiet tiegħu minkejja l-appelli tar-reliġjużi ewlenin fl-Afganistan u li fl-aħħar sigħat kienu ‘inqatlu diversi membri ta’ familtu’.
Fl-istess ħin, Massoud qiegħed iwaħħal fil-komunità internazzjonali talli din ‘qed tipprova tilleġitimizza lit-Taliban’ — u bir-riżultat li ‘il-militanti fanatiċi qegħdin irabbu dejjem aktar kuraġġ u fiduċja fil-kapaċitajiet tagħhom.’
Intant, Massoud enfasizza li l-qawwiet tar-reżistenza kienet għadha preżenti f’Panjshir u li l-qawwiet tiegħu kienu se jkomplu jikkumbattu lit-Talibani ‘irrispettivament minn dak li qegħdin jgħidu l-militanti’.
//= $special ?>